Il-ftuħ tal-wirja fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella, Għawdex se jsir fid-29 ta’ Lulju u se jibqa’ miftuh sas-27 ta’ Awwissu, filwaqt li l-Gozo Ceramics Festival fil-Bajja tax-Xlendi se ssir fit-3 ta’ Awwissu mis-6.30pm ‘il quddiem.
Il-wirja
Din l-attività hija maħsuba biex tolqot lid-dilettanti tal-arti u l-viżitaturi mit-30 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu fiċ-Ċentru Kulturali prestiġjuż taċ-Ċittadella, fir-Rabat Għawdex. Organizzata mid-Direttorat Kulturali ta’ Għawdex bħala parti mill-Festival taċ-Ċeramika ta’ Għawdex ta’ din is-sena, din il-wirja hija l-aktar vetrina tax-xena tal-arti taċ-ċeramika fil-Gżejjer Maltin, b’aktar minn 30 esebitur li jużaw it-tafal bħala medium biex jesprimu l-arti tagħhom
Wirja ta’ kreattività mill-ispettru kollu tal-arti taċ-ċeramika, tikludi stili kemm tradizzjonali kif ukoll kontemporanji. Id-diversità fl-istili u t-tekniki se turi l-firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet fi ħdan iċ-ċeramika bħala forma ta’ arti. Il-viżitaturi jistgħu jistennew li jaraw tekniki innovattivi u jisimgħu l-istejjer profondi wara kull kapolavur. Din hija l-akbar wirja ta’ arti taċ-ċeramika li ssir f’Malta.
Il-festival
Il-Gozo Ceramics Festival se jiċċelebra d-diversità artistika fit-3 ta’ Awwissu fil-Bajja tax-Xlendi. Aktar minn 40 esebitur, inklużi żgħażagħ prodigi, artisti b’diżabbiltà, artisti anzjani, u ċeramisti ġodda, se jingħaqdu ma’ artisti li ilhom stabbiliti biex jagħmlu dan il-festival avveniment sinifikanti għax-xena tal-arti taċ-ċeramika f’Malta.
Il-pajjiż mistieden ta’ din is-sena huwa Ċipru, rappreżentat minn artisti taċ-ċeramika Ċiprijotti li se jaqsmu l-kompetenza tagħhom ma’ artisti lokali u mal-pubbliku. Se jipparteċipa wkoll l-artist taċ-ċeramika Ġermaniż, rinomat mad-dinja kollha, Thomas Benirschke, li jintroduċi t-teknika unika tiegħu xogħol fuq it-torn b’erba’ idejn kemm lill-adulti kif ukoll lit-tfal.
Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jaraw live wirjiet ta’ diversi tekniki taċ-ċeramika, jistaqsu mistoqsijiet, u jitgħallmu dwar il-proċessi impenjattivi involuti fil-produzzjoni taċ-ċeramika. Teknika eċċitanti tal-infurnar Ġappuniża se tintwera wkoll live, li turi xogħlijiet meħuda mill-forn jaħarqu, imbagħad jitpoggew ġo materjal li jaqbad u wara jiġu mkessħin fl-ilma biex jarawhom lesti dak il-ħin stess.
Attivitajiet ddisinjati speċifikament għat-tfal se jkunu l-qofol, li jippermettu lit-tfal joħolqu l-biċċiet taċ-ċeramika tagħhom stess iggwidati minn għalliema b’esperjenza. Barra minn hekk, il-viżitaturi jistgħu jixtru biċċiet artistiċi taċ-ċeramika direttament mingħand l-artisti.
Divertiment se jkun ipprovdut mill-grupp folkloristiku Għawdxi Seguna u l-banda Brass Tubes, li jkomplu isebbħu l-esperjenza ġenerali bil-mużika tagħhom. Dekorazzjonijiet u fjakli fuq l-irdumijiet se jżidu l-atmosfera festiva tal-lejla. Faċilitajiet ta’ park-and-ride b’xejn miż-żewġ daħliet għax-Xlendi se jkunu pprovduti minn TukTuks sbieħ, li jżidu element divertenti u prattiku għall-avveniment.
Il-festival jospita bi kburija liż-Żgħażagħ tal-Caritas u ċ-Ċentru tar-Riżorsi Santa Marta, u jilqa’ familji, turisti, u nies tal-post biex jesploraw id-dinja taċ-ċeramika u jgawdu l-atmosfera vibranti mimlija eċċitament u kreattività.

