Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Lejn aktar jiem ta’ ‘infern’ – bil-kunflitt jirranka bejn Iżrael u l-Ħeżbollah

Il-Kabinett tas-Sigurtà ta’ Iżrael awtorizza lill-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u l-Ministru tad-Difiża, Yoav Gallant, biex jiddeċiedu kif u meta għandhom jirrankaw ‘il-kampanja ta’ ritaljazzjoni’ kontra l-milizji Xiti tal-Ħebollah, fil-Libanu.

Dan wara  li l-Ħeżbollah, fi tmiem il-ġimgħa, spara l-missili lejn zona ċivili fl-Għoljiet tal-Golan bir-riżultat li nqatlu tal-anqas 15-il tfal u adolexxenti mill-komunità tad-Drużi.

L-Għoljiet tal-Golan ilhom l-għexieren tas-snin ikkontrollati mill-Iżraeljani u r-rapporti mill-inħawi qalu lil-vittmi tal-attakk tal-Ħeżbollah ma kellhom l-ebda ċans li jaħarbu mill-missili li laqtu l-grawnd fejn huma, dak il-ħin, kienu qed jilagħbu l-futbol.

Il-Ministri Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, issieħbu f’sessjoni ta’ emerġenza fejn iddiskutew l-azzjonijiet ta’ ritaljazzjoni – anki waqt li l-Ħeżbollah kompla jiċħad ir-responsabbiltà għall-burraxka tal-missili sparati lejn il-Golan matul il-jum tas-Sibt.

Fl-istess ħin, il-Gvernijiet tal-Punent, fosthom it-Tmexxija tal-Istati Uniti, qed iħeġġu lill-Iżraeljani biex jaċċertaw minn azzjonijiet militari ‘ikkontrollati’ minħabba l-potenzjal kbir li l-iżviluppi, matul il-jiem li ġejjin, iwasslu għal gwerra ‘sħiħa u totali’ bejn Iżrael u l-Ħeżbollah – alleat tal-Iran u li għandu wieħed mill-akbar armati fil-Lvant Nofsani.

Il-White House f’Washington qal li  qed ikollu diskussjonijiet kontinwi mal-Uffiċjali Iżraeljani u t-Tmexxija tal-Libanu. Dan meta l-Istati Uniti qed taħdem fuq soluzzjoni diplomatika għaz-zona magħrufa bħala l-Linja l-Blu u li hi l-fruntiera mhix uffiċjali bejn Iżrael u l-Libanu.

Intant, l-Iżraeljani, illum, sparaw id-drones lejn il-Libanu u li niżlu fil-limiti tal-belt ta’ Shaqra – fost ir-rapporti li mietu tal-anqas żewġ persuni. Il-Ħeżbollah, wara, qal li kien tilef ‘xi ġellieda’ f’dan l-attakk partikulari.

It-tensjoni fir-reġjun qed tikber tant li l-Air France kkonfermat li, l-istess bħal-linji tal-ajru oħrajn, qed tissospendi t-titjiriet lejn u minn Bejrut – fost l-istennija għar-ritalazzjoni ta’ Iżrael. Dan wara li ħadu l-istess pass il-linji tal-Lufthansa, Swiss International u l-Eurowings.