“Itlaq issa għall-ġid ta’ Malta u għall-ħaddiema li m’għandhomx l-eluf bħalma għandek int.”
Dan kien il-messaġġ li twassal waqt protesta li ġiet organizzata mill-għaqda Repubblika t-Tnejn filgħodu quddiem il-Bank Ċentrali ta’ Malta, fejn diversi attivisti tas-soċjetà ċivili talbu għar-riżenja tal-Gvernatur tal-istess Bank Edward Scicluna.

Il-President tal-għaqda Repubblika, Vicki Ann Cremona, spjegat kif Edward Scicluna qed iġib l-interessi tiegħu l-ewwel – tant li sejħitlu egoist, u li qed jagħti bis-sieq lil ħaddiema.

Bħala attivisti, huma għamlu appell sabiex Edward Scicluna ikun dehen tal-kariga li jokkupa u jirriżenja minn jeddu, għall-ġid tal-pajjiż.
Ma’ Net News, Vicki Ann Cremona kompliet issostni l-appell ta’ Repubblika sabiex Edward Scicluna jirriżenja llum qabel għada, hekk kif il-ħaddiem stess qed jispiċċa jbati minħabba fih.

Vicki Ann Cremona sostniet li minħabba Scicluna, bħala pajjiż qegħdin f’riskju li nieħdu daqqa serja fuq l-investiment. U hawn, hi fakkret kif Malta diġà tilfet ħafna investimenti meta ġejna greylisted u ħadna daqqa fuq ir-reputazzjoni tagħna.