Lokali

“L-ebda golden handshake mħallsa minn fuq dahar il-poplu” – PN

Għalkemm kważi għaddiet ġimgħa minn meta Edward Scicluna tpoġġa taħt att ta’ akkuża b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet, Edward Scicluna għadu Gvernatur tal-Bank Ċentrali bi ħsara kbira fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jittama li Robert Abela u Edward Scicluna mhux qed jiltaqgħu wara l-kwinti għal xi forma ta’ golden handshake mħallas minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, matul l-intervista tal-Ħadd, għamel aċċenn għall-fatt li l-Kabinett jeħtieġ li jagħmel dak li hu sewwa u jaġixxi b’responsabbiltà, fejn ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-poplu ma jibqgħux iħossu u jgħixu r-riperkussjonijiet tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qal li għaddiet ġimgħa u l-Eks Ministru tal-Finanzi mhux talli għadu ma rriżenjax minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali, talli qed jinsisti li mhux lest iċedi. Dan ġie żvelat mit-Times of Malta meta ppubblikat messaġġ mibgħut mill-istess Edward Scicluna, fejn iddikjara li hu jirriżenja biss jekk jinstab ħati ta’ reat u li mhux se jaqa’ għall-pressjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Graham Bencini qal li Robert Abela għadu ma ħa l-ebda responsabbiltà biex isejjaħ uffiċjalment għar-riżenja tiegħu. Robert Abela għandu jara li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun issalvagwardjata.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex Edward Scicluna jitlaq illum qabel għada u minfloku jkun appuntat persuna idoneu, independenti minn kwalunkwe partit politku u li jkollu l-kredenzjali kollha biex jagħmel ġieħ lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.