Ambjent Lokali

BirdLife tgħid li l-ERA għal darb’oħra qed tkun bla snien

Avviż legali ġdid li daħal fis-seħħ bla konsultazzjoni jippermetti li jitqabbad il-logħob tan-nar sa 20 metru bogħod mis-siġar

F’deċiżjoni kontroversjali li ttieħdet aktar kmieni dan ix-xahar, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) aċċettat emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent imposti mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, li prattikament issa jippermettu li jitqabbad logħob tan-nar sa 20 metru bogħod minn zoni protetti.

Dan intqal mill-BirdLife Malta fi stqarrija.

Minkejja l-kwistjoni tal-qerda tas-siġar li l-ħin kollu tispiċċa fl-aħbarijiet dwar il-pajjiż, is-soluzzjoni tal-gvern kienet li jemenda l-liġi sabiex jagħmel leġittimu dak li qabel kien illegali.

L-Avviż Legali 151 tal-2024, ippubblikat fit-2 ta’ Lulju, ibiddel projbizzjoni li kien hemm qabel fuq il-logħob tan-nar viċin siġar protetti, biex issa jippermetti li logħob tan-nar jiġi mqabbad sa 20 metru bogħod minn dawn is-siġar, sakemm jittieħdu “l-miżuri adegwati”. Madanakollu ma jgħidx x’inhuma dawn il-miżuri, u b’hekk joħloq ambigwità u lakuna sinifikanti, waqt li jitfa’ l-piż tal-infurzar fuq l-ERA.

Ir-regolamenti jonqsu wkoll milli jistipulaw il-multi li min jikser il-liġi għandu jħallas jekk ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa u jekk il-ksur tal-liġi jwassal biex sfortunatament jieħdu n-nar is-siġar. Din hija lakuna oħra fir-regolamenti u li l-ERA ġiet avżata dwarha aktar kmieni din is-sena, imma baqgħet ma tteħditx azzjoni.

Waqt li l-ERA diġà mhux qed jirnexxilha tlaħħaq mal-infurzar tar-regolamenti eżistenti u ftit li xejn tippenalizza attivitajiet li jikkaġunaw danni lis-siġar, fosthom inċidenti li jinvolvu l-logħob tan-nar, bl-emendi l-ġodda għal din il-liġi jiżdied ir-riskju li jitpoġġew fil-periklu anke msaġar popolari bħalma huwa l-Buskett, fejn isiru diversi festivitajiet.

Aktar minn hekk, l-Avviż Legali 151 tal-2024 iddaħħal fis-seħħ wara li tressaq quddiem il-Kabinett tal-Ministri fit-2 ta’ Lulju mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali f’isem il-Ministeru għall-Ambjent. Ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar dan is-suġġett, minkejja l-impatt qawwi fuq il-wirt naturali tal-pajjiż.

In-nuqqas ta’ kontribut mill-NGOs u l-pubbliku dwar din il-materja importanti huwa allarmanti, aktar u aktar meta tqis kif il-pubbliku qed jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu u jipprotesta dwar il-ħarsien tas-siġar, kif rajna f’inċidenti bħal dak taż-żbir u sussegwentement il-vandaliżmu tas-siġar fil-Mosta.

B’rispons għal dan, tmien għaqdiet ambjentali mmexxija minn BirdLife Malta qed isejħu biex il-liġi tiġi revokata mill-ewwel u jingħata bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif suppost. Dawn l-ENGOs qed jappellaw lill-gvern biex isaħħaħ il-liġijiet ambjentali minflok jakkomoda l-aġenda ta’ ministeri jew lobby groups individwali, b’mod li jkun qed iħares l-interess aktar wiesa’ tal-patrimonju naturali nazzjonali tagħna.

Għaqdiet ambjentali:

  • BirdLife Malta
  • Moviment Graffitti
  • Malta Ranger Unit
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Din l-Art Ħelwa
  • Friends of the Earth Malta
  • Nature Trust-FEE Malta
  • Ramblers’ Association of Malta