Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jesprimi solidarjetà mal-bdoti u t-tekniċi tal-Air Wing fil-Forzi Armati ta’ Malta li lbieraħ kienu involuti fl-inċident tal-ħelikopter SA316B Alouette III u fl-istess waqt, jesprimi sodisfazzjon kbira li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Il-Partit Nazzjonalista jappella għal investiment serju mill-Gvern għas-sigurtà, id-difiża u l-operazzjoni tal-Forzi Armata ta’ Malta, b’mod speċjali għall-fatt li l-pjan ta’ Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 kien li dawn il-ħelikopters kellhom ikunu ‘phased-out’ sas-sena 2015. Madanakollu, Gvern Laburista baqa’ ma investiex f’ħelikopters ġodda li jkunu intiżi għal taħriġ u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ u salvataġġ viċin il-kosta ta’ Malta, anzi ħalla lill-bdoti u t-tekniċi tal-Air Wing jibqgħu jaħdmu u jagħtu servizz b’dawn il-ħelikopters antiki.
Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, fi stqarrija qal li l-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 kien saħansitra fassal u witta t-triq biex jinxtraw ħelikopters ġodda żgħar għal taħriġ u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ u salvataġġ viċin il-kosta ta’ Malta.
Sfortuntament, wara 11-il sena u fuqhom, Gvern Laburista qed iħalli lill-bdoti u t-tekniċi tal-Forzi Armati jagħmlu użu minn ħelikopters tas-snin sebgħin li ntirtu mingħand il-Gvern Libjan, liema parts għall-ħelikopters lanqas biss għadhom jiġu prodotti.
Ta’ min jinnota li aktar kmieni din is-sena, f’Marzu li għadda, suldati wkoll ħelsuha ħafif wara li l-istess tip ta’ ħelikopter SA316B Alouette III tilef il-kontroll minħabba xi ħsara.
Darren Carabatt qal li sfortunatament, fl-aħħar kampanja elettorali, il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qal ċar u tond li investiment fid-difiża u fl-apparat militari għalih ifisser li pajjiżna jkun fi stat ta’ gwerra u għalhekk, jidher li mhux se jkun qed jinvesti fil-Forzi Armati ta’ Malta.
Gvern Nazzjonalista se jkun qed issaħħaħ ir-riżorsi tal-Forzi Armati ta’ Malta għax għalih, is-sigurtà tal-pajjiż – u s-sigurtà tal-membri tal-Forzi Armati stess li jagħmlu użu minn dan l-apparat – huma prijorità.
//= $special ?>

