Il-player tal-waterpolo ta’ San Ġiljan ASC, Ben Plumpton, ippreżenta mandat ta’ inibizzjoni kontra l-ASA, l-organizzazzjoni li tmexxi l-kampjonat Malti, wara deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina li ttripplikat is-sospensjoni tiegħu għal 12-il logħba u żiedet il-multa għal €1,270 wara deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli.
Plumpton ippreżenta l-mandat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jikkontendi li l-Bord tal-Appell ma setax iżid is-sospensjoni ta’ erba’ logħbiet u multa ta’ €1,000 li rċieva wara deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina, liema sospensjoni u multa kibret b’mod konsiderevoli.
Minn naħa tagħha, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Josette Demicoli, ma laqatx it-talba proviżorjament fejn il-player xtaq li l-każ jinstema’ sat-3 ta’ Awwissu fejn l-erba’ partiti ta’ sospensjoni jkunu ġew eżawriti. Il-Qorti ħalliet il-każ għat-12 ta’ Awwissu.
L-ASA, permezz tal-Avukat tagħha Herman Mula, se tikkontesta l-każ bil-player se jattakka d-deċiżjoni tal-appell tal-ASA għax skont hu, l-appell ma seta’ qatt iżid il-piena. Il-fatt li t-talba ma ntlaqatx proviżorjament, tista’ titlef ħafna mill-effett tal-każ.
San Ġiljan ASC kienu appellaw mid-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina wara li Sliema ressqu lment minħabba li fil-logħba bejn Sliema u San Ġiljan, li ntlagħbet fis-17 ta’ Lulju, allegaw li Ben Plumpton gidem lil Daniel Rizzo u Jayden Cassar waqt il-logħba.
F’seduta urġenti tal-Bord tal-Appelli, ġie deċiż li l-Bord qabel mal-Bord tad-Dixxiplina dwar l-evidenza pprovduta u li l-inċidenti li seħħew kienu veru, li San Ġiljan bħala klabb ma għandhomx ikunu ħatja, kif ukoll id-deċiżjoni li Plumpton jinstab ħati li kkommetta att gravi ta’ vjolenza.
Madankollu l-Bord tal-Appelli ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina li b’dak li ġara ma tnaqqsitx ir-reputazzjoni tal-isport kif ukoll li ma ngħatax eżempju. Il-Bord tal-Appelli qal li din l-imġiba m’għandix postha fl-isport u jemmen li dawn iż-żewġ inċidenti waqqgħu r-reputazzjoni tal-isport u fi kliem il-Bord “Ben Plumpton kien definittivament ta’ eżempju ħażin mhux biss għal dawk li jsegwu l-logħba imma għall-pubbliku ġenerali.”
Il-Bord żied jgħid li l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jħallu impatt fuq avversarji fil-futur minħabba li plejers jistgħu jaħsbuha darbtejn biex jimmarkawh u b’hekk ikollu vantaġġ mhux ġust. Għaldaqstant il-Bord tal-Appelli sab lil Plumpton ħati wkoll li ġab ruħu b’mod li waqqa’ r-reputazzjoni tal-isport u ġab ruħu b’mod li probabbli ta eżempju ħażin.
B’hekk hu ġie sospiż erba’ logħbiet u €135 għal kull ksur ta’ offiża u s-sospensjoni totali kibret għal 12-il logħba u multa ta’ €1,270. Il-Bord tal-Appelli kkonkluda billi jittama li dawn ix-xeni ma jerġgħux jiġu ripetuti fl-isport u li l-atleti jaġixxu b’manjiera responsabbli billi juru rispett lejn xulxin.
Il-Bord kien ippresedut minn Kevin Azzopardi assistit minn Anna Vassallo.
//= $special ?>