L-awtoritajiet tas-saħħa giddbu lill-Prim Ministru Robert Abela li kemm-il darba stqarr li mhux vera qed jintrema’ d-drenaġġ fil-baħar. Dan wara li s-Supredendent tas-Saħħa Pubblika kkonfermat dak li ħafna ilhom jissuspettaw – fost oħrajn fil-bajja tal-Balluta, f’San Ġiljan.
Ħafna kienu qegħdin jarawha bħala stramba d-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela, li jgħid li mhux minnu tal-bajjiet kontaminati, għaliex kull min jgħaddi minn fejn il-Balluta kien qed jesperjenza riħa tinten qawwija, ġejja minn żbroff ta’ drenaġġ.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-Bajja tal-Balluta għadha magħluqa minħabba l-kontaminazzjoni tad-drenaġġ, minkejja t-tentattivi preċedenti biex tnaqqas is-severità tal-problema. Fi tweġiba li tiżvela għal talba għal Freedom of Information li saret minn Newsbook aktar minn xahar ilu, is-Supretendent żvelat li ilma tad-drenaġġ ikkontaminat qed ikompli joħroġ minn mina li jgħaddi minnha l-ilma tax-xita li tinsab direttament mal-bajja, u kapaċi joħloq riskji sinifikanti għas-saħħa għall-għawwiema potenzjali.
L-investigazzjoni, li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sas-26 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, titfa’ dawl fuq il-kontaminazzjoni, meqjusa mhux tas-soltu, li żammet il-bajja popolari magħluqa għall-għawwiema għal xhur sħaħ, bl-ilma baħar isir aħdar fl-aħħar ġimgħat.
Is-sit Newsbook irrapporta li dan kollu seħħ wara xhur ta’ spekulazzjoni u tħassib pubbliku, bil-korporazzjoni issa tirrikonoxxi li l-ftuħ mill-ġdid tal-bajja jiddependi fuq il-kisba ta’ tliet riżultati konsekuttivi ta’ testijiet tal-kwalità tal-ilma sigur.
Din l-istorja hija wkoll konferma ta’ kemm il-Kap tal-PN Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista kellhom raġun dwar is-sitwazzjoni fl-ibħra Maltin.
It-tweġiba tas-Supretendent inkludiet biss informazzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju, filwaqt li ma weġbitx diversi mistoqsijiet dwar l-istat attwali ta’ kontaminazzjoni hekk kif l-istaġun tas-sajf qed ikompli joqrob lejn tmiemu.
Investigazzjonijiet dwar l-għeluq fit-tul tal-Bajja tal-Balluta mill-korporazzjoni juru żewġ sorsi distinti ta’ kontaminazzjoni: kontaminazzjoni fuq in-naħa tal-lemin ikkawżata minn fatturi ta’ partijiet terzi mhux relatati man-netwerk tal-WSC, u kontaminazzjoni aktar severa fuq in-naħa tax-xellug minn mina tal-ilma tax-xita li qed tiddeterjora.
//= $special ?>