Internazzjonali

Veneżwela: L-Oppożizzjoni ma taċċettax ‘ir-rebħa elettorali’ tal-President Maduro

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, kien iddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni għat-tmexxija ta’ pajjiżu – dejjem skont ir-riżultati parzjali li tħabbru mill-kunsill elettorali f’Karakas.

Il-kap ta’ dan il-kunsill, Elvis Amoroso, li hu wkoll alleat kbir tal-President, qal li – wara li laħqu għaddew mat-80 fil-mija tal-voti – Nicolas Maduro kien qed igawdi maġġoranza ta’ 51 fil-mija kontra l-44 fil-mija għar-rivali kbir tiegħu, Edmundo Gonzales.

Sadanittant, l-Oppożizzjoni fil-Veneżwela ma aċċettatx ir-riżultat li, skont hi, kien ‘frott it-tbagħbis u l-manipulazzjoni’. Il-kelliema għall-Oppożizzjoni qalu wkoll li kienu lesti biex jikkuntestaw ir-riżultat fost l-istqarrijiet li Gonzales, bħala l-kandidat tagħhom, kien rebaħ mas-70 fil-mija tal-vot.

L-Oppożizzjoni, intant, qed tinsisti li Edmundo Gonzales hu ‘l-President-elett xieraq’ tal-Veneżwela u li ‘r-reġim ta’ Maduro qed jiċħad lill-poplu mill-vera għażla tiegħu’.

Fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni qed tispjega li li l-analiżi li għamlet tal-votazzjoni, flimkien mal-‘count’ ta’ malajr tal-voti, indikaw li Gonzales, fil-fatt, kellu vantaġġ ta’ xi 40 punt perċentwali fuq il-President Maduro li ilu fil-poter għal dawn l-aħħar ħdax-il sena.

Din l-Oppożizzjoni qed tibbaża fuq koalizzjoni ta’ partiti li ngħaqdu wara Gonzales f’tentattiv biex jibdlu d-direzzjoni tal-pajjiż wara snin ta’ ‘Gvern ta’ kriżi’ taħt it-tmexxija ta’ Maduro.

Hu minnu wkoll li l-istħarriġ tal-opinjoni qabel l-elezzjoni kien wera li Gonzales kellu jirbaħ rebħa faċli fuq il-President u  dan ir-riżultat għandu jħalli riperkussjonjiet kbar anki ‘l hinn mill-Veneżwela fejn qed jgħixu viċin it-30 miljun abitant.

Fl-aħħar għaxar snin, madwar tmien miljun persuna spiċċaw jaħarbu mill-Veneżwela minħabba l-kriżi ekonomika u politika li żviluppat u saret kważi inkontrollabbli taħt il-Gvern Soċjalista ta’  Maduro.