Lokali Qorti

Akkużat li pprova jifga lis-sieħba tiegħu

Norveġiż inżamm arrestat wara li ġie akkużat li pprova jifga lis-sieħba tiegħu li magħha kien waqqaf NGO umanitarja, f’argument li huwa mifhum li kien fuq it-taxxa. L-Ispettur Christian Cauchi ressaq il-Qorti lil raġel ta’ 41 sena min-Norveġja, residenti l-Ħamrun.

Hu ġie mixli li kkaġuna lis-sieħba tiegħu biża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha, li weġġagħha ħafif mingħajr l-intenzjoni li joqtolha jew li jpoġġi ħajjitha f’periklu serju, kif ukoll li pprova juża l-forza bil-ħsieb li jinsulentaha, iddejjaqha jew iweġġagħha.

Hu mifhum li l-koppja kienu argumentaw fuq kwistjoni ta’ taxxa u li f’xi ħin l-argument sħun inbidel f’wieħed fiżiku, bl-akkużat allegatament jipprova jifga lill-mara b’imħadda, fejn ikkaġunalha ssofri minn ġrieħi ħfief.

L-imputat ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih. L-Avukat Maria Karlsson, li nħatret biex tassisti lil Elvestad bħala avukat tal-għajnuna legali, qalet lill-Maġistrat Astrid May Grima li hu kien lest li joħroġ mid-dar li kien qed jaqsam mal-mara, iżda spjegat li peress li ilhom 17-il sena flimkien, huma kellhom ħafna affarijiet li kienu proprjetà komuni – inklużi assi tan-negozju.

Elvestad qal lill-Qorti li kien lest li jmur jgħix f’hostel jekk jinħeles mill-arrest, iżda l-Qorti rrimarkat li dan ma jikkwalifikax bħala indirizz fiss. Id-difiża ma talbitx il-libertà proviżorja f’dan l-istadju.