Lokali

Il-Gvern qed iċaħħad lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi milli jkollu aktar spazji miftuħa

Pajjiżna jeħtieġ spazji ġodda, pubbliċi u bi pjan

F’pajjiżna għandna bżonn aktar spazji miftuħa. Spazji miftuħa bi pjan li permezz tagħhom tista’ tgawdi l-komunità kollha.

Illum il-komunità tas-Swieqi qed taffaċċja kriżi f’dan l-aspett u għandha bżonn kbir ta’ investiment fi spazji miftuħa mmirati għat-tgawdija tar-residenti. Il-bini f’din il-lokalità żdied drastikament matul is-snin u l-bżonn ta’ spazji li jistgħu jintużaw bħala post fejn il-komunità tista’ tinġabar għal skopijiet soċjali, issa hu akbar minn qatt qabel. Barra minn hekk, is-Swieqi hu wkoll nieqes minn spazji ambjentali aċċessibbli bil-pass fejn wieħed jista’ jgħożż l-ambjent naturali ta’ madwaru. Ir-residenti tas-Swieqi għandhom dritt daqs ħaddieħor għal spazji ġodda li tista’ tgawdi minnhom il-komunità.

Għalhekk, u sforz in-nuqqas ta’ artijiet pubbliċi li għandha din il-lokalità, ir-responsabbiltà tinsab f’idejn il-Gvern biex jidħol għar-residenti u jakkwista artijiet li jistgħu jingħataw lura lill-poplu bħala spazji miftuħa, sikuri u aċċessibbli li jistgħu jintużaw għal skopijiet varji tal-komunità. Mhux realistiku li l-Gvern jibqa’ ma jintervjenix u bħal donnu jistenna lis-sidien ta’ artijiet privati, b’dak li hu tagħhom, jirregolaw l-iżbilanċ bejn l-iżvilupp u l-ispazji miftuħa. Kif elenka l-Kunsill Lokali tas-Swieqi fl-aħħar jiem, il-Gvern qed iċaħħad lin-nies tas-Swieqi milli jkollhom aktar spazji miftuħa.

Iż-żieda kontinwa u rapida fil-popolazzjoni tas-Swieqi tkompli żżid l-urġenza għal investimenti fi spazji miftuħa. Għandu jkun kompitu tal-Gvern li jagħti importanza partikolari lill-interess ġenwin tal-ġid komuni u b’investiment konkret jiżgura li kull lokalità jkollha l-ispazji miftuħa tagħha u li dawn l-ispazji jsiru bi pjan.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello, u x-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit.