Lokali

Il-GWU titlob pjan strateġiku nazzjonali

Il-General Workers’ Union ilha tappella għal pjan strateġiku nazzjonali sabiex il-pajjiż ikompli javvanza f’oqsma essenzjali bħall-enerġija, is-saħħa, ix-xogħol, l-edukazzjoni, u l-infrastruttura.

Dan intqal mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, wara laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li ġiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista, u li trattat bosta temi relevanti – laqgħa li ngħatat ukoll prominenza fil-faċċata tal-ġurnal ‘L-Orizzont’.

Josef Bugeja tenna li hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku għal pajjiżna, bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd; pjan li jmur lil hinn minn leġiżlatura waħda biex jiġi assigurat li l-pajjiż ikompli javvanza ‘l quddiem b’mod sostenibbli.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, li enfasizza l-importanza ta’ politika inklużiva u fit-tul.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech minn naħa tiegħu qal li l-PN jixtieq li l-infrastruttura tgħin fit-tkabbir ekonomiku b’mod sostenibbli u b’valur miżjud.

Bernard Grech saħaq li l-politika tal-PN trid tkun waħda pro-attiva, li tassigura stabbiltà, poplu b’saħħtu, tkabbir ekonomiku, titjib soċjali, u avvanz edukattiv li jsaħħaħ il-ħsieb kritiku u l-ħiliet tal-poplu.