Eluf ta’ nies fil-Veneżwela qed jipprotestaw dwar ir-rebħa elettorali tal-President Nicolas Maduro li qed jgħidu kienet realizzata grazzi għall-frodi u manipulazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali li l-membri tagħha huma lkoll alleati ta’ Maduro.
L-għajta ‘libertà’, fil-fatt, saret is-slogan għan-nies – żgħażagħ u familji – li jridu jaraw futur ġdid għalihom u l-maħbubin tagħhom. Dan wara s-snin tat-tmexxija falluta ta’ Maduro – Soċjalista li għandu rabtiet tajbin ħafna mal-President Russu Vladimir Putin – waqt li pajjiżu kompla jegħreq fi kriżi wara l-oħra.
Maduro, qabel l-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa, qal li kien se jirbaħ it-tielet mandat konsekuttiv ta’ tmexxija ‘bis-sewwa jew bid-dnewwa’. U ladarba l-Kummissjoni Elettorali ħabbret ir-rebħa għall-President, l-Oppożizzjoni u s-sostenituri tagħha mal-ewwel għajtu ‘frodi’ – speċjalment ladarba r-riżultati tal-elezzjoni ma kenux ippubblikati għall-poplu.
Is-sitwazzjoni fil-Veneżwela, fil-preżent, hi ferm delikata – bil-possibbiltà ta’ gwerra ċivili ma tistax tkun eskluża.
Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tas-sigurtà fil-kapitali Karakas sparaw il-balal tal-gomma u l-gass tad-dmugħ għal fuq il-folol tad-dimostranti li ħarġu jipprotestaw dwar ir-riżultat ‘fażull’ – u bil-folol jinġabru fl-inħawi madwar il-Palazz Presidenzjali.
Dan waqt li l-Oppożizzjoni insistiet li Maduro u sħabu fil-Gvern u fil-Kummissjoni Elettorali qed jippruvaw iqarrqu bil-poplu – u li l-kandidat tagħha, Edmundo Gonzales, hu l-veru rebbieħ tal-elezzjoni b’aktar minn 73 fil-mija tal-vot.
L-istħarriġ ta’ qabel l-elezzjoni kien qed jindika rebħa ċara għal Gonzales, bil-partiti tal-Oppożizzjoni jingħaqdu kollha warajh f’tentattiv biex itemmu l-amministrazzjoni ta’ Maduro li ilha għal ħdax-il sena u li fost oħrajn issarrfet fi kriżi ekonomika storika.
//= $special ?>