Lokali Qorti

Is-CEO tal-Wasteserv u ħamsa oħra mixlija b’responsabbilita fil-mewt ta’ ħaddiem

Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca (ritratt) u ħames uffiċjali oħra ċaħdu akkużi ta’ responsabbiltà kriminali għal inċident fatali fl-inċineratur tal-kumpanija li seħħ fil-Marsa, sentejn ilu. Bilocca ta’ 39 sena miż-Żurrieq, ġie mixli b’ċitazzjon – u mhux taħt arrest – quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, it-Tlieta, flimkien mal-Maniġer tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol Stefan Salamone ta’ 42, l-inġinier ta’ 35 sena Ryan Mark Cachia minn Ħal Tarxien, il-Facility Manager Ryan Cauchi ta’ 32 mill-Mosta, l-Uffiċjali tas-Saħħa u s-Sigurtà Silvan Borg ta’ 51 minn Marsaskala, u Aylin Fleri ta’ 32 sena mill-Belt.

L-akkużati kollha wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-akkużi, li jinkludu omiċidju involontarju, huma relatati ma’ inċident fifaċilità tal-inċineratur tal-Marsa fl-10 ta’ Mejju 2022 li kkawża l-mewt ta’ Joseph Ellul ta’ 38 sena minn Marsaxlokk.

Ellul kien instab, mejjet, ħdejn lift fil-faċilità, bi ġrieħi fil-gerżuma. Inkjesta maġisterjali dwar l-inċident fatali kienet enfasizzat nuqqasijiet sinifikanti ta’ sikurezza, fosthom in-nuqqas ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà fuq il-bokkaport tal-lift fejn seħħ l-inċident.

Esperti tal-Qorti maħtura waqt l-inkjesta kienu stabbilixxew li Ellul miet waqt li kien qed jipprova jispezzjona tagħmir li ma jaħdimx sew billi daħħal rasu mill-bokkaport li kien qed jispezzjona. Minbarra l-akkużi ta’ omiċidju involontarju, Cachia, Cauchi u Bilocca huma mixlija wkoll li rrifjutaw jew naqsu milli jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex ma jseħħux dan it-tip ta’ inċident.

Il-provi mistenni jibdew jinstemgħu fit-3 ta’ Ottubru li ġej.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed ikun rappreżentat mill-avukati Ramon Bonett Sladden u Sean G. Borg, li jassistu lill-Ispettur tal-pulizija Ian Vella li qed imexxi l-prosekuzzjoni. Bilocca, Fleri, Salamone u Borg qed jiġu assistiti mill-avukati Stephen Tonna Lowell, Stefano Filletti u Maurice Meli.

L-avukati Michael u Lucio Sciriha qed jirrappreżentaw lil Cachia, bl-avukat Arthur Azzopardi jidher għal Cauchi. Il-familja tal-vittma qed tkun assistita mill-avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Adreana Zammit.