Lokali

Jeħtieġ aktar fondi allokati mill-Gvern biex nikkumbattu t-traffikar tal-bnedmin – PN

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji li jfakkar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-Partit Nazzjonalista jfakkar lil dawk il-vittmi ta’ dan il-fenomenu mifrux sew madwar id-dinja u li sfortunatament iseħħ ukoll f’pajjiżna. It-traffikar tal-bnedmin mhu xejn għajr forma oħra ta’ skjavitù moderna li twassal għal sofferenza kbira lill-persuni milquta minnu. Ħafna nies qegħdin jiġu mwiegħda l-ġenna fl-art, u minflok isibu infern akbar minn dak li kienu diġà fih.

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora kull forma ta’ abbuż li bniedem huwa lest li jwettaq fuq ħaddieħor għall-gwadann finanzjarju tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora wkoll, iżda,l-indifferenza tal-Gvern Laburista Malti li ftit li xejn ma jinteressah mit-tbatijiet tan-nies involuti.

Graziella Attard Previ, x-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertaijiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, fi stqarrija qalet li tajjeb insemmu li dan mhux qiegħda tgħidu biss l-Oppożizzjoni, kif inhu d-dmir tagħha, iżda wkoll rapporti internazzjonali, fosthom mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan li nnutaw li Malta ma tilħaqx l-istandards minimi li bihom tista’ tiġġieled it-traffikar tal-umani.

Dan huwa evidenti wkoll mill-fatt li fl-aħħar budget, u għat-tieni sena konsekuttiva, il-Gvern alloka biss €50,000 biex jikkumbatti din ir-realtà li fuq livell globali tiġġenera l-biljuni. Dan juri biċ-ċar li l-Gvern Malti ma jistax jittieħed bis-serjetà dwar dan is-suġġett u għalhekk hemm bżonn li tintrefa’ r-responsabiltà politika u min hu obbligat li jwettaq dmiru u jaħdem fl-interess tan-nies jagħmel dan minnufih.

Il-Partit Nazzjonalista, sostniet Graziella Attard Previ, iwiegħed li din it-tema se tibqa’ fuq l-aġenda tiegħu u li se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ fl-interess tal-bniedem, hu min hu, hu minn fejn hu.