Lokali

Jibdew jiġġeddu l-karti tal-identità li ħarġu 10 snin ilu

L-aġenzija Identità għaddejja bil-proċess sabiex iġġedded 160,000 karta tal-identità li kienu ħarġu għaxar snin ilu u li ser ikunu qegħdin jiskadu bejn din is-sena u s-sena d-dieħla.

Fl-aħħar xahrejn kien hemm aktar minn 9,000 persuna li ġeddew il-karta tal-identità tagħhom.

Karta ta’ identità għandha validità ta’ għaxar snin u kull ċittadin huwa obbligat jara li… jekk il-karta tal-identità skadiet, jew waslet biex tiskadi…. japplika biex iġġedidha fit-taqsima tal-karta tal-identità, f’Gattard House, il-Blata l-Bajda.

L-aġenzija qed testendi l-ħinijiet tagħha sabiex isir dan il-proċess.

Il-karta tal-identità kienet saret obbligatorja bil-liġi 49 sena ilu għal dawk li jagħlqu 18-il sena… u llum il-ġurnata dan l-obbligu niżel għal 16-il sena.

Il-karti tal-identità ġodda għandhom għadd ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà biex l-identità tal-persuna titħares u tagħmilha aktar diffiċli biex tiġi manipulata.