Raġel ta’ 54 sena minn San Pawl il-Baħar li qal lill-Qorti li jaħdem ma’ kumpanija tat-tindif, wieġeb li mhux ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq martu fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu fid-dar tal-koppja. Minkejja li saret talba għall-pleġġ, il-Qorti ċaħditha minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, ġie mixli wkoll li ssekwestra lil martu kontra l-volontà tagħha u li waqt l-inċident li seħħ bejn inofsillejl u s-1.30am, il-mara ħarbet mir-residenza matrimonjali tagħha u marret toqgħod għand bintha. Ħareġ ukoll fil-Qorti li l-koppja ilhom mis-sena l-oħra għaddejjin bi proċeduri ta’ separazzjoni.
L-akkużat ġie mixli wkoll li kkaġuna lil martu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u kontra wliedu fil-preżenza ta’ minuri, u li ħebb għal martu. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll biex tinħareġ ordni tal-protezzjoni fil-konfront tal-mara li qalet li tinsab imbeżża’ li żewġha jista’ jirrepeti r-reat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u għamel talba għall-ħelsien mill-arrest permezz tal-Avukat tiegħu Albert Zerafa li qal li dan kien inċident ta’ darba u li l-akkużat mhux bniedem vjolenti u li għandu residenza alternattiva.
L-Ispettur Omar Zammit oġġezzjona għal din it-talba minħabba l-gravità tal-akkużi fejn tenna li l-mara spiċċat torqod fuq sufan għand bintha minħabba l-biża’ li għaddejja minnu u qal li l-mara għad trid tixhed dwar il-każ fil-Qorti.
L-Avukat Zerafa qal li l-klijent tiegħu mhux se jikkontamina l-provi u li hawn qed nitkellmu fuq ġrieħi ħfief fejn normalment f’każijiet bħal dawn wieħed jitressaq b’ċitazzjoni u mhux b’arrest. Il-Maġistrat Charmain Galea qalet li f’dan l-istadju kienet qed tiċħad it-talba, tal-anqas sakemm tixhed l-allegata vittma.
Hija wissiet ukoll lill-akkużat li anke meta jew jekk jingħata l-ħelsien fil-futur, m’għandux jersaq jew b’xi mod jikkomunika ma’ martu, inkella jekk jikser waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jista’ jiġi kundannat għal sentejn ħabs jew multa ta’ €7,000, u anke saħansitra t-tnejn flimkien.
L-Avukat Alessandro Farrugia deher bħala parte civile għan nom tal-allegata vittma.
//= $special ?>