B’messaġġ fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li kawża tat-tmexxija dgħajfa ta’ Robert Abela, il-pajjiż qed ibati wkoll.
Hu spjega kif illum, il-Kabinett sfiduċja lil Robert Abela meta ma approvax il-proposta tiegħu biex ikeċċu lil Edward Scicluna, u dan wara li Scicluna tpoġġa taħt att ta’ akkuża mill-Qrati Maltin.
Grech kompla jgħid li Robert Abela, għax dgħajjef, reġa’ ġie umiljat mill-Ministri tiegħu stess u ma kienx kapaċi jneħħi Gvernatur tal-Bank Ċentrali li qed jiffaċċja akkużi li kienu parti mill-akbar frodi li qatt ra pajjiżna. Minħabba li Robert Abela huwa dgħajjef il-poplu qed ibati wkoll minħabba li qed tbati r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Bernard Grech sostna li llum iktar minn qatt qabel, hija iktar urġenti t-talba li għamel biex jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament biex tiġi diskussa l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Fid-deċiżjoni li ttieħdet hemm ħafna domandi dwar ir-rwol ta’ Edward Scicluna, u min se jimla’ l-vojt ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali kif ukoll ir-rwol issa ta’ Alexander Demarco u jekk dan hux se jkun Aġent Gvernatur.
La Robert Abela u l-Kabinett ma kinux kapaċi jagħmlu dak li hu sewwa, Bernard Grech qal li għandu jkun il-Parlament li jagħmel dan. Issa joħroġ fil-beraħ għaliex Robert Abela beża’ li jlaqqa’ l-Parlament wara talba li għamilt biex dan isir, fl-isfond ukoll ta’ Grupp Parlamentari Nazzjonalista maqgħud biex Edward Scicluna jwarrab mir-iwol ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Grech ikkonkluda billi sostna li pajjiżna ma jistax jibqa’ vittma ta’ tmexxija dgħajfa, hekk kif pajjiżna jixraqlu tmexxija soda u nadifa – li mhix kompromessa u li ma tiddefendix lil dawk li frodew lill-poplu.
//= $special ?>

