L-impjant temporanju tal-ġenerazzjoni tad-dawl jaf jibqa’ sentejn f’Delimara; sakemm isir interconnector.
Hekk qaltilna l-Ministru Miriam Dalli qabel daħlet għal-laqgħa tal-Kabinett, bil-Gvern ikompli jaffaċċja pressjoni kbira fuqu minħabba li b’mod konsistenti kompla jinqata’ d-dawl f’diversi zoni tal-pajjiż għal tliet ġimgħat sħaħ.
Il-power station li swiet lil Maltin u l-Għawdxin €37 miljun, u li taħdem bid-diesel, waslet il-ġimgħa li għaddiet fil-Port Ħieles, f’Birżebbuġa.
L-għan ta’ din il-power station kellu jkun biex jiġu evitati sigħat twal bla provista tal-elettriku f’każ li jkun hemm xi ħsarat fid-distribuzzjoni tal-enerġija. Iżda l-impjant se jkun qed jinxtgħel f’nofs Awwissu – wara li l-pajjiż diġà esperjenza jiem konsekuttivi bi qtugħ tad-dawl.
Matul Lulju bosta lokalitajiet esperjenzaw qtugħ fil-provista tad-dawl, tant li l-Enemata kellha tpoġġi numru ta’ generators fit-toroq; liema generators ħolqu inkonvenjent għar-residenti tal-madwar,
Issa, din il-power station temporanja li tlaħħaq is-60-megawatt, se tkun qed tinżamm fuq standy-by f’każ ta’ bżonn. Dan sakemm isir it-tieni interconnector – proġett li wkoll tħalla fuq l-ixkaffa mill-Gvern ta’ Abela.
//= $special ?>