Internazzjonali

L-Indja: Tfittxija għan-neqsin wara l-valangi qattiela f’Kerala

Mietu ‘l fuq minn 100, b’għexieren oħra jispiċċaw irrappurtati nieqsa, b’kaġun tal-valangi tal-art kbar dovuti għall-ħalbiet tax-xita kontinwi fl-Istat ta’ Kerala, lejn in-nofsinar tal-Indja.

Kien proprju d-distrett ta’ Wayanad li ġarrab l-agħar qilla tal-valangi u f’ħin – is-sigħat bikrin tat-Tlieta – meta ħafna nies kienu reqdin fi djarhom.

Sadanittant, għaddejja tfittxija ddisprata għall-għexieren tan-nieqsa li ħafna minnhom spiċċaw mirdumin taħt il-munzelli tat-tajn, ġebel u tifrik tar-residenzi.

Dan ukoll meta l-operati tas-salvataġġ qed ikunu mfixkla mix-xita qliel u elementi oħrajn tal-maltemp  li wasslu anki għall-kroll ta’ pont kruċjali fl-inħawi.

L-ogħla uffiċjali f’Kerala qalu li s-sitwazzjoni qalb iz-zoni milqutin mill-valangi tinsab gravi għall-aħħar u meta huma kienu qed jistennew li l-vittmi  jiżdiedu sew fis-sigħat sussegwenti.

Bħalissa, ‘il fuq minn 200 suldat qed jgħinu lill-qawwiet tas-sigurtà fl-impenji ta’ search and rescue qalb l-inħawi li ġarrbu l-akbar impatt tal-valanga.

Intant, dawn il-valangi huma l-agħar diżastru reġistrat f’Kerala mill-2018 – meta kienu mietu ‘l fuq minn 400 kaġun tal-għargħar qawwi.