Il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), Manfred Weber, ikkundanna bla riservi d-deċiżjoni riċenti tal-Ungerija biex tiffaċilita s-sistema tal-visas għar-Russi li jaslu fl-artijiet tagħha. B’din is-sistema (għall-visas) fuq bażi ta’ ‘fast track’, l-Ungerija qed tnaqqas ir-restrizzjonijiet għal tmien pajjiżi – inklużi r-Russja u l-Belarus.
Kien kmieni dan ix-xahar li l-Ungerija introduċiet il-proċess ġdid tal-visas għall-barranin li jridu jaħdmu fl-artijiet tagħha taħt l-iskema tal-Gvern f’Budapest. B’dan il-proċess, il-viżitaturi jistgħu jidħlu l-Ungerija mingħajr ma jkunu suġġetti għall-iskrutinju fl-interessi tas-sigurtà – b’dan, fost oħrajn, jippermetti l-moviment ħieles għall-individwi ‘dubjużi’ lejn l-Istati oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, Manfred Weber bagħat ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, fejn esprima l-inkwiet tiegħu dwar l-aġir ‘inaċċettabbli’ tal-Ungerija – pajjiż li kemm-il darba kellu d-diżgwid mal-Istituzzjonijiet ta’ Brussell.
Fl-istess ħin, l-Ungerija, bħalissa, għandha l-Presidenza temporanja tal-Kunsill tal-UE u li se tibqa’ iżżommha sas-sena d-dieħla. Madankollu – u permezz tar-riformi fl-iskema tal-visa – l-Ungerija qed tippermetti għal sitwazzjonijiet fejn il-persuni ‘non-grata’, inklużi l-ispjuni, jinfiltraw lill-pajjiżi tal-Unjoni b’aktar faċilità minn qabel.
Din il-possibbiltà rrefera għaliha Weber waqt l-ittra lil Michel u fejn wissa li ‘r-regoli ġodda fl-Ungerija qed joħolqu teknikalitajiet – jew loopholes – li jippermettu għall-attivitjiet ta’ spjunaġġ – sitwazzjoni li għandha tippermetti biex ammonti kbar tar-Russi jidħlu fl-Ungerija mingħajr is-superviżjoni adegwata u fejn huma, imbagħad, jistgħu jimponu theddida gravi għas-sigurtà nazzjonali.
//= $special ?>