Il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli qed tgħid li f’dawn is-sitt xhur sar ħafna fil-qasam tal-enerġija. U l-Gvern jaf fejn irid imur.
Meta kienet qed tieħu sehem fil-programm Xtra fuq TVM, Miriam Dalli nsistiet li qed tagħmel “rivoluzzjoni”. U quddiem il-kriżi enormi fis-settur tal-enerġija, il-Ministru Dalli qed tibqa’ tgħid li dan huwa “l-massimu possibbli” li l-Gvern jista’ jagħmel.
Dan minkejja s-sitwazzjoni xejn sabiħa li għaddej minnha pajjiżna.
Fuq ix-Xandir Nazzjonali, Dalli sostniet li Gvern Laburista investa aktar fis-sistema tad-distribuzzjoni – minkejja li iżjed ma qed jgħaddi ż-żmien, qed jiżdiedu l-problemi f’din l-istess sistema – bi qtugħ kostanti fil-provista.
Ix-Shadow Minister Ryan Callus minn naħa tiegħu rrefera għan-nuqqas ta’ investiment fis-settur tal-enerġija min-naħa tal-Gvern. Hu semma’ fost l-oħrajn ir-rapport li għamel l-Awditur Ġenerali, fejn issemma’ li f’dawn l-aħħar 10 snin mhux vera sar investiment xieraq fid-distribuzzjoni tal-elettriku.
Ryan Callus fakkar li Gvern falla milli jara kif it-tibdil tal-klima qed tolqot lil pajjiżna. U bil-mudell ekonomiku li ħaddem… ikkawża splużjoni fil-popolazzjoni, b’riżultat li kiber il-piż fuq is-sistemi tal-enerġija.
Ryan Callus irrefera għal punt li qajment Miram Dalli meta qalet li l-problemi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku ġew solvuti, fejn fakkar li bħalissa f’Malta hawn 30 generator mikrijin minn barra sabiex pajjiżna jlaħħaq mad-domanda.
Matul id-diskussjoni deher biċ-ċar li Miriam Dalli għadha qed tinjora l-fatt li f’pajjiżna verament hawn kriżi tal-enerġija, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex il-flus allokati lil dan is-settur verament jintużaw kif suppost.
//= $special ?>