Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq mara u talabha favuri sesswali

Niġerjan ta’ 35 sena residenti Marsaxlokk inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li kkaġuna ġrieħi gravi fuq mara li kien jgħix magħha fl-istess residenza u li talabha favuri sesswali kontra l-volontà tagħha.

John Frances li qal li jaħdem fil-kostruzzjoni, ġie mixli li fit-28 Lulju fis-6.30pm. fid-dar tiegħu mingħajr intenzjoni li joqtol, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq mara li kienet tgħix fl-istess dar, liema feriti saru bi strument li jaqta’ u bil-ponta. Huwa ġie mixli wkoll b’serq aggravat ta’ earphone u oġġetti oħra mill-istess residenza.

Frances ġie mixli wkoll li hedded lill-allegata vittma u li uża vjolenza fil-konfront tagħha, li kien armat li ffastidja lil mara u li kkawżalha biża’ li se ssir vjolenza kontriha. Ġie mixli wkoll li minbarra li talabha favuri sesswali, kien offensiv magħha u uża kliem degradanti.

L-Avukat tal-għajnuna legali Julian Micallef Stafrace m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest għal Frances, filwaqt li l-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Qorti wissiet ukoll lill-akkużat biex anke jekk jingħata l-pleġġ fi stadju ieħor tal-proċeduri, ma jersaqx lejn il-vittma jew b’xi mod jagħmel kuntatt magħha. Il-prosekuzzjoni għamlet talba wkoll lill-Qorti li ma jissemmiex isem il-vittma minħabba li din tista’ tispiċċa vittimizzata.

Ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mid-difiża u t-talba ġie milqugħa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius Bonello megħjun mill-Avukati Jurgen Dalli u Valentina Cassar mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.