Lokali

NIŻVELAW: Diversi Ministri rreżistew lil Robert Abela; il-Kabinett baqa’ mifrud fuq Edward Scicluna

Sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li fil-Kabinett, diversi Ministri baqgħu jirreżistu lil Robert Abela. U kien evidenti li l-Kabinett baqa’ mifrud dwar Edward Scicluna.

Jidher li wara l-laqgħa ta’ dalgħodu, kompliet tispikka d-dgħufija ta’ Robert Abela li ma jistax jieħu deċiżjoni ċara fil-konfront tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u Eks Ministru tal-Finanzi li se jgħaddi ġuri b’rabta mas-serqa tat-tliet sptarijiet.

Huwa evidenti wkoll li l-Ministri tant irreżistew lil Abela li l-laqgħa baqgħet ittawwal għal ħames sigħat sħaħ. U sal-5:30pm, il-Prim Ministru kien għadu ma ħariġx minn Kastilja.

B’kuntrast, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kien magħqud fil-pożizzjoni li ħa biex Edward Scicluna jitneħħa immedjatament. U f’każ li jibqa’ jwebbes rasu, kellu jkun il-Prim Ministru li jieħu azzjoni fil-konfront tiegħu.

Is-sorsi mil-Labour li tkellmu magħna qalulna li l-laqgħa tal-lum kienet waħda taħraq, u l-Kabinett ma wasalx għal qbil unanimu. Mhux ta’ b’xejn li Robert Abela baqa’ jirreżisti t-talba li għamel il-Kap tal-PN Bernard Grech biex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza u tiġi diskussa l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna.

Intant, it-Times qed tirrapporta li f’ħin minnhom Edward Scicluna deher dieħel hu personalment f’Kastilja. U huwa possibbilment f’dan il-ħin li ntlaħaq il-famuż “kompromess” biex hu – minflok jirriżenja – jwarrab bil-kwiet. Biex b’hekk tkun saret l-inqas ħsara fuqu.