Meta l-pajjiż ikollu tmexxija dgħajfa nbatu lkoll.
Illum il-Kabinett sfiduċja lil Robert Abela meta ma approvax il-proposta tiegħu biex ikeċċi lil Edward Scicluna u dan wara li Scicluna tpoġġa taħt att ta’ akkuża mill-Qrati Maltin.
Robert Abela, għax dgħajjef, reġa’ ġie umiljat mill-Ministri tiegħu stess u ma kienx kapaċi jneħħi Gvernatur tal-Bank Ċentrali li qed jiffaċċja akkużi li kienu parti mill-akbar frodi li qatt ra pajjiżna.
Minħabba li Robert Abela huwa dgħajjef qed inbatu lkoll għax qed tbati r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Illum iktar minn qatt qabel hija iktar urġenti t-talba li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament biex jiddiskuti l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Fid-deċiżjoni li ttieħdet hemm ħafna domandi dwar ir-rwol ta’ Edward Scicluna, u min se jimla’ l-vojt ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali kif ukoll ir-rwol issa ta’ Alexander Demarco u jekk dan hux se jkun Aġent Gvernatur.
Robert Abela jinsab dahru mal-ħajt u bla awtorità. Għalhekk ma riedx li jiltaqa’ l-Parlament għax kien jaf li l-Grupp Parlamentari Laburista hu maqsum u Robert Abela kien diġà qed juri li kien se jkollu jċedi.
Robert Abela jinsab injorat u sfidat minn esponenti Laburisti li għandhom aktar saħħa minnu. Robert Abela mhux qed imexxi, imma qed jitmexxa mill-fazzjonijiet l-oħra li hemm fil-Partit Laburista, fosthom dik ta’ Joseph Muscat.
Robert Abela tilef il-kontroll u l-appoġġ u issa joħroġ fil-beraħ għaliex Robert Abela beża’ li jlaqqa’ l-Parlament wara talba li kien għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex dan isir fl-isfond ukoll ta’ Grupp Parlamentari Nazzjonalista magħqud biex Edward Scicluna jwarrab mir-rwol ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
La Robert Abela u l-Kabinett ma kinux kapaċi jagħmlu dak li hu sewwa, għandu jkun il-Parlament li jagħmel dan.
Pajjiżna jixraqlu tmexxija soda u nadifa. Tmexxija li mhux kompromessa u li ma tiddefendix lil dawk li ffrodaw lill-poplu.
//= $special ?>

