Internazzjonali

L-attakk f’Southport: L-investigazzjonijiet ikomplu, bil-vittmi jitilgħu għal tlieta

Il-poplu Britanniku jinsab imnikket wara l-qtil u feriment tat-tfal li, nhar it-Tnejn, spiċċaw aggrediti minn żagħżugħ armat b’sikkina huma u jieħdu sehem f’avveniment taż-żfin f’Southport, viċin Liverpool.

Sigħat wara l-attakk, ħarġet l-aħbar li żewġt ibniet ta’ sitta u seba’ snin kienu mietu mill-ġrieħi li ġarrbu – u proprju dalgħodu kien ikkonfermat li t-tobba fallew fit-tentattivi biex isalvaw il-ħajja ta’ tifla oħra, ta’ disa’ snin, li wkoll ġarrbet il-feriti terribbli waqt l-attakk.

L-aħħar rapporti, intant, qalu li ħamest itfal oħra u żewġ adulti kienu għadhom f’sitwazzjoni kritika wara li sofrew diversi daqqiet ta’ sikkina fl-attakk li qed jissemma fost l-agħar reati li seħħew fil-pajjiż fl-aħħar ħames snin.

L-aggressur li wettaq l-attakk hu żagħżugħ ta’ 17-il sena, imwieled f’Cardiff (Wales) u li l-ġenituri tiegħu, oriġinarjament, huma mir-Rwanda. Il-ġirien tal-familja taż-żagħżugħ, li qed jinżamm taħt arrest, fissruh bħala persuna kwieta, magħluq fih innifsu u li kellu trobbija normali.

Dan meta l-awtoritajiet għaddejjin bl-investigazzjoni għall-iskop wara l-azzjoni terribbli u biż-żgħażugħ qed ikun suġġett għal interrogazzjoni bir-reqqa.

Sadanittant, l-awtoritjiet lokali f’Southport fetħu s-servizzi ta’ counselling għar-residenti trawmatizzati mill-vjolenza li laqtet, kiesaħ u biered, lill-komunità tagħhom. L-istess awtoritajiet qalu li l-jiem li ġejjin se jaffordjaw żmien biżżejjed għal analiżi bir-reqqa dwar x’wassal għall-qtil u feriment tat-tfal – filwaqt li wissew biex in-nies ma jispekulawx bla bżonn jew jiċċirkulaw it-teoriji foloz fuq il-midja soċjali.

L-aggressur baqa’ mhux identifikat mill-Pulizija u meta xi ħadd, fl-aħħar sigħat, iċċirkola l-isem ta’ individwu indikat bħala s-suspettat fuq il-midja soċjali. L-individwu inkwistjoni, intant, ma kellu x’jaqsam xejn mal-aggressjoni f’Southport.

L-avveniment taż-żfin fejn seħħ l-attakk kellu l-mużika ta’ Taylor Swift bħala tema u l-kantanta Amerikana fl-aħħar sigħat bagħtet messaġġ ta’ faraġ lill-familji tal-vittmi u fejn qalet li hi ‘qed taħseb kontinwament fl-iżviluppi terribbli għall-komunità sħiħa ta’ Southport.’

Fl-aħħar sigħat ukoll, tkellmet il-Ministru għall-Intern (Home Secretary) tar-Renju Unit Yvette Cooper li qalet li l-inċident f’Southport kien l-akbar ħmar il-lejl ta’ kull ġenitur li għandu jew għandha uliedhom ċkejknin u li anki qed iħalli r-riperkussjonijiet devastanti.

Cooper irreferiet ukoll għall-inkwiet tal-awtoritajiet dwar il-kontinwità tar-reati minn aggressuri armati bis-skieken fir-Renju Unit – reati magħrufin bħala knife crime u li l-Gvern tal-Prim Ministru Keir Starmer, fi kliem Yvette Cooper, qed jaħseb biex jindirizzahom bħala parti minn ‘missjoni morali’.