Lokali

Talba lill-NAO sabiex jiġi nvestigat it-tender tal-inċineratur

“Għandha tkun prijorità u fl-interess pubbliku li mhux biss jittieħdu deċiżjonijiet favur l-ambjent … iżda wieħed għandu jassigura li l-proċess tal-ogħti tas-sejħiet pubbliċi isiru fuq bażi ta’ governanza tajba sabiex ikun żgurat li l-fondi pubbliċi jintefqu fl-interess nazzjonali.”

Dan intqal f’ittra li d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott, Claudette Buttigieg u Graham Bencini bħala membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi ppreżentaw lill-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali t-Tlieta filgħodu. Dan b’rabta mad-deċiżjoni dwar il-proġett tal-inċineratur fil-Magħtab – proġett li huwa suġġett ta’ ħafna kontroversji, u li hu ta’ theddida għall-ambjent ta’ pajjiżna.

F’Ġunju li għadda, it-tender kien ġie annullat mill-Qorti; tender li kien jiswa mas-€600 miljun, u li kien inħareġ mill-Ministeru tal-Ambjent mmexxi minn Miriam Dalli. Il-Qorti ddikjarat li meta ngħata t-tender, żewġ membri fil-Bord tal-Kuntratti kellhom kunflitt ta’ interess.

Issa, il-PN ħass il-bżonn li l-NAO jinvestiga dan il-proċess kollu.

Ma’ Net News, id-Deputat Darren Carabott spjega kif bħala grupp Parlamentari Nazzjonalista preżentaw talba lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-kuntratt marbut mal-inċineratur fil-Magħtab.

Minn naħa tagħha, d-deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet li din l-ittra tirrifletti dak li huma jisimgħu mingħand in-nies li jgħixu fiż-żona tal-Magħtab – u li ilhom ħafna nkwetati dwar dan il-proġett.

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini insista illi huma jridu li l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-proċess tal-annullament tal-Qrati.

Din l-ittra ġiet iffirmata wkoll mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Eve Borg Bonello u Rebekah Borg.