Lokali Qorti

Żagħżugħ immultat €800 wara li hedded żewġ Pulizija

Żagħżugħ ta’ 23 sena li għandu karta tal-identità Żvizzera, ġie mmultat €800 mill-Maġistrat Charmain Galea wara li ammetta li fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għadda offenda bi kliem ħażin żewġ kuntistabbli f’Paceville.

Angelo Colonese kien Paceville bejn it-3am u l-4.30pm u f’idu kellu flixkun. Il-Pulizija ġibdulu l-attenzjoni li ma jistax joqgħod jiġri bih f’dawk l-inħawi u flok obda l-ordnijiet tagħhom, beda jkellimhom ħażin. Colonese mill-ewwel ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Il-Qorti tagħtu ċ-ċans li jerġa’ jaħsibha, anke fid-dawl tal-fatt li sera’ jiġi kkundannat għal sentenza ta’ ħabs sospiża jew multa.

Huwa kkonferma l-ħtija tiegħu bil-prosekuzzjoni tgħid li Colonese ikkopera mill-ewwel mal-Pulizija fl-istqarrija, u skuża ruħu u ammetta l-iżball tiegħu. Il-Qorti fid-dawl tal-ammissjoni bikrija kkundannatu għal multa ta’ €800.

Għalih dehret l-Avukat Julia Micallef Stafrace filwaqt li l-akkużat tressaq mill-Ispettur Roderick Attard.