Lokali

Attard u Schembri ma jeskludux li jidħlu fit-tellieqa

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela prova jeħles mill-Ministru Ian Borg u jaħbiħ mix-xena lokali – il-faxxa ta’ Joseph Muscat qed timbutta lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin biex jilħaq minflok Chris Fearne Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Pożizzjoni li tpoġġi lil wieħed mill-alleati ta’ Joseph Muscat proprju maġenb Robert Abela.

Mhux eskluż li l-Eks Ministru tat-Toroq, li ħalla lil dan is-settur fi kriżi, jiġi kontestat. Tant li t-Tlieta la l-Ministru Jonathan Attard u lanqas il-Ministru Silvio Schembri ma eskludew li jitfgħu isimhom fit-tellieqa għal Deputy Leader, bil-Ministru tal-Ġustizzja jinsisti li d-deċiżjoni tiegħu se tkun fl-aħjar interess tal-partit.

Sinifikanti l-fatt li la l-Ministri Chris Bonett u Roderick Galdes, u lanqas is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli ma wieġbu għad-domanda ta’ Net News jekk humiex lesti jappoġġjaw lil Ian Borg għal Deputat Mexxej.

Id-dati tal-Konferenza Ġenerali li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista huma bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru li ġej.