Lokali

“Gvern li qed iġib l-instabbiltà anki fis-sistema tad-dawl f’Mater Dei” – PN

Fi stqarrija, Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, qal li b’riżultat ta’ ħsara kbira fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-High Voltage li laqtet il-lokalità ta’ Birkirkara lbieraħ, ġiet ikkawżata instabbiltà fis-sistema ta’ distribuzjoni. Is-sistema tal-High Voltage hija proprju dik li l-Awditur Generali sab li ma sarx investiment suffiċjenti. Din l-instabbiltà nħasset f’diversi lokalitajiet ġirien bħas-Swatar. Però kawża ta’ dan, l-isptar Mater Dei ħass din l-instabbiltà u s-sistema rrispondiet billi qalbet fuq il-ġeneraturi tagħha.

Dan ifisser li llum il-ġurnata minħabba nuqqas ta’ investment u r-rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni, il-pajjiż għandu f’riskju postijiet strateġici bħall-Isptar Mater Dei li qegħdin u jinsabu f’riskju bla bżonn.

Pajjiżna għandu bżonn bidla.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jinvesti b’serjetà fid-distribuzzjoni tad-dawl. Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jara li l-poplu ma jibqax ibati min-nuqqas u mill-qtugħ fid-dawl u fuq kollox il-poplu jkun qed jingħata l-aqwa servizz imsejjes fuq mudell ekonomiku li jrendi u huwa ta’ kwalità u mhux li jżid bosta piżijiet addizzjonali fuq il-poplu.