Internazzjonali

Il-Belarus: Destin inċert għal Ġermaniż li nħafritlu l-piena kapitali

Il-Gvern Ġermaniż kompla jesprimi l-inkwiet dwar ċittadin tiegħu li, sa ftit ilu, kien taħt il-kundanna tal-mewt fil-Belarus u li s-sentenza tiegħu, issa, inbidlet fuq deċiżjoni personali tal-President Alexander Lukashenko.

Ir-raġel, Rico Krieger – li jaħdem fil-qasam mediku – kien ikkundannat dwar allegat terroriżmu u issa mhux ċar jekk il-‘maħfra’ ta’ Lukashenko tfissirx li s-sentenza kapitali tinbidilx f’waħda ta’ ħabs għal għomru.

Lanqas mhu eskluż li l-Ġermaniż, ‘il quddiem, jingħata l-libertà grazzi għal spinta fl-attività diplomatika bejn Minsk u Berlin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin f’Berlin ikkonferma, b’sens ta’ sodisfazzjon, li Krieger ‘ingħata maħfra u mhux se jiffaċċja l-mewt’ iżda, fl-istess ħin, ma elaborax dwar il-każ.

Rico Krieger kien ilu miżmum taħt arrest minn Ottubru – bil-midja tal-Belarus tisħaq li hu kien akkużat bit-teħid ta’ ritratti tal-faċilitajiet militari fil-pajjiż. Intant, l-aktar akkuża serja miġjuba kontra tiegħu kienet relatata ma’ splużjoni fi stazzjon tal-ferrovija u fejn ingħad li l-Ġermaniż kien qed jaġixxi għall-interessi tas-servizzi sigrieti tal-Ukrajna.

Il-Belarus hu l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jinsisti bil-piena kapitali – u meta l-esekuzzjoni ta’ Rico Krieger suppost li kellha ssir f’Ġunju li għadda.