Lokali

Il-Prim Ministru jikkonferma li Scicluna warrab temporanjament u se jibqa’ jdaħħal il-paga ta’ aktar minn €11,000 fix-xahar

Bil-kompromess li Robert Abela baxxa rasu għalih, il-Professur Edward Scicluna se jibqa’ jdaħħal fil-but €11,500 fix-xahar jew €138,000 fis-sena.

Meta ġie affaċċjat mill-ġurnalisti barra Kastilja fi tmiem ġurnata twila – Robert Abela insista li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Professur Scicluna “jibqgħu mhux preġudikati”. Dan ifisser li Scicluna se jżomm il-pakkett finanzjarju li għandu.

Apparti minn hekk, hemm il-fatt importanti li Abela baqa’ ma ħa ebda azzjoni fil-konfront ta’ Edward Scicluna, li se jgħaddi ġuri b’rabta mas-serqa tal-Vitals. Tant li l-Prim Ministru stess stqarr li “d-deċiżjoni ħadha Edward Scicluna”.

Quddiem Kastilja, Robert Abela deher skomdu immens jitkellem dwar ir-reżistenza li sab fil-Kabinett minn sħabu l-Ministri għal kif tratta dan il-każ ta’ Scicluna. Abela minn naħa tiegħu qal li l-Kabinett kien warajh, u insista li dak li qed jiġi rrappurtat kien biss spin.

Ironikament, il-Prim Ministru stqarr mal-ġurnalisti li bid-deċiżjoni li ħa, Edward Scicluna tella’ l-livell ta’ integrità tiegħu ‘l fuq.