Eluf ta’ nies fil-Venezwela komplew jesprimu l-għadab għar-riżultat tal-elezzjoni mirbuħa mill-President Nicolas Maduro. Elezzjoni li skont huma kienet ikkundizzjonata mit-tbagħbis tal-uffiċjali li jridu li Maduro jkompli fil-poter akkost ta’ kollox.
Intant, f’Caracas, spikkaw aktar dimostrazzjonijiet ta’ protesta, b’eluf ta’ nies joħonqu ċ-ċentru tal-belt biex iwasslu messaġġ ċar li mhumiex se jaċċettaw riżultat li ma jirriflettix tassew ir-rieda tal-poplu.
Dawn in-nies qalu li mhumiex se jieqfu mill-protesti sakemm il-Venezwela jkollha Gvern ġdid – iżda, fil-verità, ftit hemm ċans ta’ theżżiża politika fil-pajjiż jekk il-qawwiet tas-sigurtà ma jisseħbux mad-dimostranti tal-Oppożizzjoni.
Fil-fatt, l-Armata u l-Pulizija tal-Venezwela għadhom leali għall-President Maduro u jidhru lesti biex jużaw ‘kull element ta’ forza’ biex irażżnu l-moviment ta’ kontra l-Gvern Soċjalista. Fil-fatt, inqalgħu l-inċidenti ġodda fejn il-qawwiet tas-sigurtà f’Karakas sparaw il-gass tad-dmugħ u l-balal tal-gomma lejn id-dimostranti.
Fl-istess ħin, il-pulizija arrestat viċin l-1,000 dimostrant u fost rapporti, mhumiex ikkonfermati, li mietu xi persuni waqt il-konfronti mal-qawwiet tal-liġi.
Min-naħa tagħha, Maria Corina Machado, bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni, sejħet għall-protesti paċifiċi – anki waqt li l-Ġeneral Vladimir Padrino Lopez, li jservi bħala l-Ministru tad-Difiża ta’ Maduro, kien qed jirreferi għad-dimostrazzjonijiet bħala ‘kolp ta’ stat’.
Fl-istess ħin, il-Ġeneral Padrino qed jenfasizza li l-President Maduro jista’ jserraħ rasu ‘mil-lealtà assoluta u l-appoġġ mingħajr kundizzjonijiet tal-Armata’.
Dan waqt li d-dimostranti f’Karakas qed ikomplu jinsistu li saret frodi elettorali kbira favur il-President Maduro u li l-Gvern Soċjalista attwali ‘qed jagħmel minn kollox biex ma jurix lid-dinja li tilef il-vot nazzjonali ta’ tmiem il-ġimgħa’.
//= $special ?>