Huwa importanti li l-Gvern joħroġ id-data kollha li nġabret mill-iskills survey li sar riċentament b’rabta mal-ħaddiema barranin.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Kummerċ, li stiednet lill-Gvern biex ikun trasparenti u joħroġ l-informazzjoni marbuta ma’ dan ir-rapport li analizza l-ħiliet li hawn bżonn f’pajjiżna u b’hekk wieħed ikun jaf eżatt il-bżonnijiet tal-pajjiż għall-preżent u l-futur.
Fil-fatt, il-Kamra tal-Kummerċ wissiet fuq l-importanza li jkun hemm ir-riżorsi umani meħtieġa għal setturi bħalma huma t-turiżmu, il-manifattura, il-qasam tas-saħħa, is-servizzi finanzjarji u l-kura fi djar tal-anzjani.
Hawn, iċ-Chamber insistiet fuq l-importanza li pajjiżna jkollu pjan ċar u strateġiku għas-suq tax-xogħol.
Fl-istess waqt, il-Malta Chamber appellat biex isir aktar infurzar fejn jidħlu l-liġijiet tax-xogħol, u jiżdied id-djalogu anke mal-MCESD. Dan sabiex ikun assigurat li l-policies jiġu implimentati b’mod ġust u effettiv.
“Il-kollaborazzjoni hija essenzjali biex tkun assigurata s-sostenibbiltà tas-setturi kollha”, qalet il-Kamra tal-Kummerċ.
L-istess stqarrija tappella wkoll lill-Gvern biex jindirizza ċertu abbużi li qed ikun hemm fuq il-ħaddiema.
//= $special ?>