“Bid-deċiżjoni li ħa lbieraħ, Robert Abela għal darb’oħra naqas lill-pajjiżna. U kompla juri li l-interess nazzjonali mhuwiex prijorità għalih.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Erbgħa waranofsinhar fuq l-istazzjon F Living, fejn saħaq li minkejja li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna warrab temporanjament, huwa xorta se jibqa’ jitħallas ‘il fuq minn €11,000 fix-xahar minn flus il-poplu.
Matul din l-intervista, Bernard Grech sostna li pajjiżna jeħtieġ li jibdel id-direzzjoni li qabad għaliex għal kull kriżi li qed tinqala’ qed ibati l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettabbli li Edward Scicluna ma rreżenjax mill-kariga tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. U hawnhekk huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista għamel talba sabiex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza bil-għan li din il-kwistjoni tkun diskussa.
Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li bil-kompromess li ntlaħaq matul il-jum tat-Tlieta, kompliet tidher aktar evidenti d-dgħufija ta’ Robet Abela, filwaqt li b’din id-deċiżjoni għal darb’oħra, il-Prim Ministru naqas lill-pajjiżna.
Bernard Grech fakkar ukoll li kien proprju Robert Abela stess li poġġa’ lil Edward Scicluna f’din il-kariga; kariga li qed ikompli jokkupa b’effett fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Mistoqsi fuq il-kriżi tal-enerġija, Bernard Grech fakkar li din is-sitwazzjoni ħoloqha l-Labour stess kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni b’nuqqas ta’ investiment fid-distribuzzjoni kif ukoll fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista ilu tliet snin jagħti s-soluzzjonijiet sabiex tittaffa din il-problema. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela m’għamel xejn.
Bernard Grech saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu rappreżentanza li verament iġġib lilu l-ewwel bil-għan li l-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna.
//= $special ?>