“In-nuqqas ta’ azzjoni minn Robert Abela fil-konfront ta’ Edward Scicluna kompliet toħroġ fid-deher il-qasma li hemm fil-Grupp Parlamentari Laburista. Dan filwaqt li wriet li l-interess nazzjonali mhuwiex prijorità għall-Gvern.”
Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa u li ġiet indirizzata mix-Shadow Ministers Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia fejn saħqu li l-mossa ta’ Robert Abela qed tkompli turi li lest jaġevola biss lil tal-qalba.
Ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qal li huwa inaċċettabbli li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna se jkompli jdaħħal €11,000 fix-xahar minkejja li warrab temporanjament. Huwa saħaq li kieku Edward Scicluna u Robert Abela kellhom l-interess tal-poplu għal qalbhom, il-Gvernatur kien jirreżenja minnufih minn din il-kariga.
Graham Bencini sostna li jum wara l-ieħor qed tidher aktar evidenti li pajjiżna għandu Prim Ministru dgħajjef b’Kabinett li qed jisfiduċjah ma’ kull opportunità possibbli.
Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Jerome Caruana Cilia sostna li Edward Scicluna ma jimpurtahx mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u nsista li b’din il-mossa pajjiżna ħa daqqa oħra ‘l isfel fil-konfront tal-governanza tajba u tar-reputazzjoni.
Apparti minn hekk, fakkar ukoll li ma kienx biss il-Partit Nazzjonalista li għamel pressjoni sabiex Edward Scicluna jirreżenja minnufih u saħaq li f’dawn iċ-ċirkustanzi Malta għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Intant, matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Ministers assiguraw li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti sabiex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza, bil-għan li din il-materja ta’ importanza kbira tiġi diskussa minnufih.
//= $special ?>