Fi stqarrija, Karol Aquilina, Shadow Minister għall-Ġustizzja; u Claudette Buttigieg, Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete; tkellmu kif il-Gvern ta’ Robert Abela ilu tliet snin ikaxkar saqajh fuq il-bosta rakkomandazzjonijiet li għamlitlu l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u llum il-Gvern ħareġ jiftaħar li d-direttiva Anti-SLAPP tal-Unjoni Ewropea se ssir parti mil-liġijiet ta’ pajjiżna.
Hu evidenti għal kulħadd li l-Gvern se jkollu jdaħħal din id-direttiva għax imġiegħel mill-Unjoni Ewropea u mhux għax tassew irid li l-ġurnalisti jkunu mħarsa. Li kieku tassew irid jipproteġi lill-ġurnalisti, il-Gvern kien jieħu dan il-pass ferm qabel u flimkien miegħu kien jimplimenta aktar rakkomandazzjonijiet li ħalla tliet snin sħaħ fuq l-ixkaffa.
Jidher ċar ukoll li l-Gvern qed jimplimenta din id-direttiva b’mod mgħaġġel u kif ġieb u laħaq. Pereżempju, l-Avviż Legali jidher li hu f’kunflitt ma’ diversi liġijiet oħrajn li kienu u għadhom jeżistu f’pajjiżna.
Barra minn hekk, l-Avviż Legali kif ippubblikat mill-Ministru jagħti lill-ġurnalisti Maltin l-anqas livell ta’ protezzjoni li joħroġ mid-direttiva. M’hemmx dubju li l-Ministru għall-Ġustizzja ppubblika dan l-Avviż Legali llum, fl-eqqel tas-sajf, biex jevita diskussjoni fil-Parlament u fil-pajjiż dwar dan kollu.
Il-Partit Nazzjonalista jqis id-direttiva Anti-SLAPP bħala opportunità kbira biex pajjiżna mhux biss ikollu liġijiet li jkunu skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, iżda li jkunu joffru tassew l-ogħla livell possibbli ta’ ħarsien għall-ġurnalisti mill-abbużi ta’ dawk li jridu jaħbu l-verità.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Gvern Laburista ilu tliet snin sħaħ jirreżisti li jimplimenta r-rakkomandazzjoniet li għamlulhu t-tliet Imħallfin li mexxew l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Agħar minn hekk, il-Gvern u l-Partit Laburista baqgħu konsistentement ikasbru l-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fiż-żmien li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel analiżi dettaljata tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jikkonsulta ma’ dawk kollha li għandhom interess f’dan il-qasam bl-għan li eventwalment jippreżenta emendi għall-Avviż Legali li llum ħareġ jiftaħar bih il-Ministru.
//= $special ?>