Ambjent Għawdex Lokali Turiżmu

L-esperjenza turistika f’Għawdex qed tkun affettwata serjament minħabba infrastruttura fqira u l-bini eċċessiv – GTA

Il-maġġoranza tal-operaturi turisti f’Għawdex jemmnu li t-tniġġis u l-bini eċċessiv qed iħalli impatt fuq dan is-settur li huwa kruċjali għall-ekonomija Għawdxija.

Dan joħroġ minn survey li sar mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, fejn irriżulta li 85% ta’ dawk li rrispondew jinsabu inkwetati bis-sitwazzjoni preżenti. Fil-fatt, dawn in-negozji Għawdxin jemmnu li s-settur turistiku qed ikun affettwat b’mod negattiv mill-bini eċċessiv, in-nuqqas ta’ trankwillità, infrastruttura fqira, il-ħsejjes esaġerati kif ukoll kwistjonijiet marbuta ma’ nuqqas ta’ ndafa.

Dan l-istess survey wera li anke f’Għawdex qed tinħass id-daqqa tal-għoli tal-prezzijiet. Tant li 53% tan-negozji irrappurtaw tnaqqis fid-dħul tagħhom, minħabba żieda fil-prezz ta’ numru ta’ prodotti li jixtru għall-istabbilimenti tagħhom.

L-istess survey isemmi li hemm sfidi varji għall-operaturi turistiċi f’Għawdex. B’44% jirreferu għall-kundizzjoni preżenti tal-ekonomija. Dan filwaqt li 93% irrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-operat tagħhom.

L-istħarriġ li sar mill-GTA fl-ewwel sitt xhur jikkonferma li f’Għawdex żdiedu t-turisti, iżda naqas il-qligħ għal min jaħdem f’dan il-qasam.