Internazzjonali

L-Ukrajna: Jirreżistu għall-għexieren tad-drones immirati għal Kiev

It-Tmexxija fl-Ukrajna qalet li l-qawwiet tagħha rnexxielhom jirreżistu għal wieħed mill-aktar attakki ħorox mill-militar Russu mindu l-Kremlin bagħat l-Armati tiegħu biex jinvadu l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022.

Is-sistemi tal-Ukreni għal difiża kontra l-attakki mill-ajru, fl-aħħar sigħat, waqqgħu ‘l fuq minn 90 drone u numru ta’ missili li ħafna minnhom kienu mmirati lejn Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. Id-drones, fil-parti kbira, kienu manifatturati fl-Iran li qed jgħin il-Magna tal-Gwerra tar-Russja biex tippersisti bil-kampanja militari qalb it-territorji Ukreni.

Intant, numru ta’ bini fi Kiev ġarrbu l-ħsarat mill-fdalijiet tad-drones li niżlu direttament fuq il-kapitali – iżda ma kienx hemm xi rapporti ta’ vittmi.

L-aggressjoni mill-ajru seħħet aktar minn 29 xahar mindu daħlu l-ewwel suldati u tankijiet tar-Russi fl-Ukrajna. Fl-istess ħin, id-difiżi tal-Ukreni qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-bumbardamenti kontinwi mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Sadanittant, ir-Russja insistiet li l-qawwiet tagħha qegħdin jimmiraw għas-siti militari u tal-enerġija fl-Ukrajna – għalkemm aktar qed jispikkaw l-azzjonijiet mil-ajru fuq iz-zoni residenzjali ta’ Kiev u bliet oħrajn iffullati biċ-ċivili.