Enerġija Lokali

Lejl ieħor mingħajr dawl għal eluf ta’ familji; partijiet mill-Iklin ilhom 12-il siegħa bla dawl

Għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, kompliet tikber il-problema tal-qtugħ tad-dawl – sitwazzjoni li qed taffettwa eluf ta’ familji, anzjani, persuni morda u anke negozji.

Matul il-lejl li għadda, kien rappurtat qtugħ fis-servizz tal-provista tal-enerġija f’partijiet tan-Naxxar, Ħal Għargħur, Birkirkara u anke l-Gżira fejn kienu ilhom 11-il siegħa sħaħ mingħajr dawl.

F’Birkirkara, bosta zoni qattgħu lejl sħiħ bla dawl; b’effett dirett fuq persuni vulnerabbli fl-eqqel tas-sħana tas-sajf. Apparti minn hekk, hemm partijiet tal-Iklin li ilhom 12-il siegħa mingħajr provista.

Aktar kmieni din il-ġimgħa fuq TVM, il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli qalet li f’dawn is-sitt xhur sar ħafna investiment fil-qasam tal-enerġija. U l-Gvern jaf fejn irid imur.

F’dawn il-jiem wasal ukoll l-impjant il-ġdid, li se jitħaddem bid-diesel – għalkemm dan l-impjant fadallu sa nofs Awwissu biex jibda jopera.