Internazzjonali

Renju Unit: Vjolenza fost il-luttu għat-tfal maqtula f’Southport

Il-qtil brutali, din il-ġimgħa, ta’ tlett itfal fl-inħawi ta’ Southport, qanqal mewġa ta’ niket madwar il-pajjiż – iżda fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll il-gruppi li marru f’din il-belt ta’ Merseyside bl-iskop speċifiku li jwettqu vjolenza fuq skala kbira. Vjolenza fejn sfaw feruti mal-50 uffiċjal tal-pulizija waqt il-konfronti mal-gruppi – fosthom membri tal-moviment radikali bl-isem English Defence League.

L-inkwiet seħħ xi sigħat wara li saret vejla biex tonora lill-vittmi ċkejknin tal-attakk tat-Tnejn fejn żagħżugħ armat b’sikkina aggredixxa klassi ta’ bniet li kienu qed jieħdu sehem f’attività mużikali,  bir-riżultat li nqatlu tlieta u bi tmienja oħra jisfaw feruti kritikament.

L-agħar vjolenza f’Southport, intant, seħħet fiz-zona ta’ moskea u fejn l-aggressuri taw in-nar lil vettura tal-pulizija. Il-gruppi tad-delinkwenti anki waddbu xita ta’ ġebel u fliexken lejn l-uffiċjali tal-liġi  waqt attakk li l-Federazzjoni tal-Pulizija ta’ Merseyside fissritu bħala wieħed ‘vizzjuż u mingħajr rispett għan-nies innoċenti’.

Kollox jindika li l-irvellijiet f’Southport tmexxew min-nies li mhumiex residenti f’din il-belt – bl-attakki jkunu wkoll koordinati minn persuni magħrufa, b’rekord ta’ vjolenza. L-aggressuri waslu f’Southport bil-ferrovija u l-awtoritajiet qalu li huma ‘użaw, bl-aktar mod sfaċċat, l-imwiet għall-iskopijiet politiċi tagħhom’.

L-awtoritajiet lokali f’Southport, il-Federazzjoni tal-Pulizija ta’ Merseyside u l-Gvern Britanniku, sadanittant, ikkundannaw l-azzjonijiet kriminali ta’ dawn il-gruppi waqt li impenjaw ruħhom biex il-persuni responsabbli jħallsu għal għemilhom skont il-liġi. Dan waqt li ftit tal-ħin ilu saru l-arresti ta’ wħud minn fost id-delinkwenti.