Lokali

“Robert Abela hu responsabbli għall-balbuljata fil-Bank Ċentrali” – Repubblika

Robert Abela wiegħed li se jieħu azzjoni fuq Edward Scicluna u ma żammx kelmtu. Edward Scicluna baqa’ fejn kien, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, minkejja li qed iwieġeb akkużi ta’ reati serji kriminali fil-Qorti. 

Dan hu episodju li juri li mhux talli l-kbarat ma jista’ għalihom ħadd anke meta jinqabdu jisirqu, imma meta jiġu akkużati li serqu, jieħdu premju: bħall-premju ta’ Edward Scicluna li minn issa ‘l quddiem lanqas se jkollu għalfejn jaħdem għall-paga straordinarja tiegħu.

Kontra dak li wiegħed Robert Abela, Edward Scicluna ta lilu nnifsu “long leave” bil-paga dieħla, u aktarx se jibqa’ jgawdi minn dan il-premju konvenjenti ta’ paga għal xejn sakemm jispiċċa t-term tiegħu ta’ Gvernatur. Se jħallas lilu nnifsu €11,000 fix-xahar mit-taxxi tan-nies biex ma jagħmel xejn. Din hi paga ta’ aktar minn seba’ darbiet il-medja nazzjonali, li l-poplu Malti ser ikollu joħroġ minn butu. Dan l-aġir huwa diżgustanti u kundannabbli u frankament att ta’ serq ta’ flus pubbliċi li ironikament hu r-reat li Edward Scicluna hu diġà akkużat fil-qorti li wettaq. 

Edward Scicluna m’għandu ebda rispett lejn il-poplu Malti. U Robert Abela la għandu r-rieda u lanqas il-kapaċità li jipproteġina minn dan is-serq sfaċċat.

Mhix skuża li “hemm liġijiet apposta għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali”. Ebda liġi ma tneħħi l-obbligu tal-kontabbiltà lejn il-pubbliku. Jekk Robert Abela jidhirlu li m’għandux l-awtorità jkeċċi lil Scicluna, allura għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-konsegwenza li ħatru. Meta Abela ħatar lil Scicluna, Abela kien jaf li hemm inkjesta maġisterjali fejn Scicluna kien qiegħed jiġi investigat kriminalment. Lill-Prim Ministru avżajnieh f’Diċembru tal-2020 biex ma jappuntax bħala Gvernatur lil xi ħadd li qiegħed jiġi investigat għal reati serji. U Abela webbes rasu.

Mela issa li għamel din il-froġa u ħalliena lkoll imsallbin hekk, għandu jkun Robert Abela li jassumi r-responsabbiltà ta’ din il-balbuljata u tal-ħela ta’ flus il-poplu Malti. Jekk hemm bżonn il-paga ta’ Edward Scicluna biex Edward Scicluna ma jagħmel xejn, għandu jħallasha Robert Abela mill-paga tiegħu.