Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħdem għall-ġid komuni” – Bernard Grech

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti fis-setturi kollha u se jieħu d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu għall-ġid komuni bil-għan li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Erbgħa waranofsinhar fuq l-istazzjon F Living, fejn semma’ numru ta’ proposti għal setturi varji.

Matul din l-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li bħalissa għandna numru ta’ setturi f’pajjiżna li jinsabu għarkupptejhom kaġun tan-nuqqas ta’ investiment mill-Gvern.

Hawnhekk, Bernard Grech fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista biex tiġi indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja.

Bernard Grech fakkar ukoll fl-importanza li jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda – xi ħaġa li Gvern Nazzjonalista għamel ukoll fil-passat.

B’rabta mas-settur tal-enerġija, Bernard Grech qal li huwa inaċċettabbli li għat-tieni sajf konsekuttiv il-poplu qed iqatta’ lejl wara l-ieħor bla dawl. Hawnhekk, huwa assigura li Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti fis-settur tal-enerġija fosthom bit-turbini offshore kif ukoll li jkun hawn liberalizzazzjoni fil-provista tal-elettriku.

Fil-konfront tas-settur tas-saħħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif in-nies qed iqattgħu sigħat sħaħ fl-Emerġenza sakemm jinqdew – kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni.

Bernard Grech saħaq li apparti bidla fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista kommess li jibni sptar ġdid f’Għawdex, u jinvesti fejn ikun meħtieġ.

Intant, matul din l-intervista Bernard Grech fakkar f’numru ta’ proposti oħra li ressaq il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin; fost l-oħrajn li jkun hawn aktar spazji miftuħa f’pajjiżna, li l-ambjent isir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni u li l-prodott lokali jingħata aktar importanza.