Il-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv se jkun qed iħaddan tliet valuri: il-ġustizzja soċjali, il-governanza tajba kif ukoll l-appoġġ lil dawk li jinsabu fit-tarf tas-soċjeta – b’differenza għall-Gvern Laburista li qed iberbaq flus il-poplu fuq tal-qalba.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li twassal mix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Albert Buttigieg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Ivan Castillo saħaq li Robert Abela tilef il-kontroll tal-Gvern, u għalhekk kellu jċedi għal dak li ried Joseph Muscat – ċioè, li l-Professur Scicluna ma jitneħħiex minn Gvernatur tal-Bank Centrali.
Bin-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa ta’ Abela, Edward Scicluna spiċċa ngħata rigal talli mhu jagħmel assolutament xejn.
Ix-Shadow Minister għall-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja sostna wkoll li l-Ministri ma jridux jindirizzaw il-problema tal-għoli tal-ħajja.
Dan hekk kif qed jirreżistu li jneħħu t-taxxa minn fuq il-COLA, u jsolvu l-problema tal-inflazzjoni.
Din hi r-raġuni għalfejn il-pagi ilhom imweħlin. U din hija prova oħra kemm Rosianne Cutajar kellha raġun meta qalet li fil-Gvern… kulħadd qed jitħanżer.
Minn naħa tiegħu Albert Buttigieg spjega kif sal-2022 iktar minn 85,000 persuna kienu fir-riskju tal-faqar, hekk kif f’ħames snin dawn żdiedu b’iktar minn 10,000 perusna. Dan filwaqt li tal-qalba qed ikomplu jiffangaw.
Ix-Shadow Minister għall-Familji u s-Sigurtà Soċjali spjega wkoll kif il-Partit Nazzjonalista għandu track record ta’ skemi li kien nieda kif ukoll sussidji li kien jagħti lill-familji sabiex dawn ikollhom saqaf fuq rashom. Skemi li l-Gvern preżenti kien neħħihom, għax qal li ma kienux tajbin – biex wara ftit reġa’ daħħalhom b’isem ieħor.
//= $special ?>