Lokali

Il-banda San Gejtanu b’mawra storika f’Ruma f’Settembru li ġej

Meta lbieraħ bdiet b’mod uffiċjali l-festa ta’ San Gejtanu 2024 permezz tal-ħruġ min-niċċa ta’ San Gejtanu, Patrun tal-Għaqda u tal-Ħamrun, ġie mmarkat ukoll il-bidu ta’ jiem storiċi għall-għaqda, il-Ħamrun u l-pajjiż.

Din is-sena qed jiġi ċċelebrat il-ħames ċentinarju mit-twaqqif tal-Ordni tal-Kjeriċi Regolari, it-Teatini, li wieħed mill-fondaturi kien proprju San Gejtanu.

Għal dan il-għan, tfasslu sena sħiħa ta’ ċelebrazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll mit-Teatini nfushom stess li huma bbażati f’Ruma, l-Italja.

Il-qofol se jintlaħaq fl-14 ta’ Settembru li ġej meta l-vara ta’ San Gejtanu se ttieħed b’pellegrinaġġ mill-Bażilika ta’ San Andrea delle Valle għall-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan fejn il-vara ta’ San Gejtanu se tkun qed tidħol fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-ewwel darba li vara artistika Maltija se tkun qed tagħmel dan.

Waqt dan il-pellegrinaġġ li għalih mistennija jitilgħu ħafna persuni minn madwar id-dinja, fosthom kif wieħed jistenna, mill-Ħamrun ukoll, se tkun qed tagħti s-sehem sħiħ tagħha l-Banda San Gejtanu, l-unika banda msemmija għall-Patrun b’daqq ta’ innijiet proċessjonali.

F’Settembru li ġej, kontinġent b’saħħtu mill-għaqda se jkun qed iħalli Malta għall-Italja fejn apparti l-pellegrinaġġ tal-14 ta’ Settembru, se jkun impenjat f’servizzi mużikali oħra fosthom f’Akkademja Mużikali fil-Bażilika ta’ San Andrea delle Valle (is-sede uffiċjali tat-Teatini), il-Ħamis 12 ta’ Settembru, f’Serrone fit-13 ta’ Settembru u f’Napli, il-belt li fiha huwa midfun San Gejtanu, il-Ħadd 15 ta’ Settembru.

L-għaqda tgħożż bil-bosta r-relazzjoni b’saħħitha li dejjem kellha mal-Ordni tat-Teatini li tmur lura s-snin, tant li ferm qabel ma ħarġet l-aħbar li l-vara titulari ta’ San Gejtanu kienet se tkun qed titla’ Ruma, l-għaqda kienet il-mistiedna ta’ din l-ordni biex twettaq servizzi mużikali biex jitfakkar dan l-anniversarju tant importanti.

L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu ilha għaddejja bi programm ċelebrattiv sa minn Settembru li għadda fejn wettqet marċ fit-toroq tal-Ħamrun, fil-11 ta’ April li għadda ttellgħet Akkademja fil-Knisja Arċipretali ta’ San Gejtanu, u f’Novembru se tkun anke qed ittella’ dramm orġinali fuq it-Teatini fil-Liċeo l-Ħamrun.

Intant, is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp tal-Ħamrun se tkun qed torganizza konferenza tal-aħbarijiet biex twassal dettalji dwar is-sehem importanti tagħha f’din il-mawra fil-Vatikan.

Il-parroċċa organizzat kumitat speċifiku li qedjorganizza kull m’hemm bżonn biex din l-inzjattiva tkun ta’ suċċess kbir.