F’stqarrija, Justin Schembri, Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, saħaq kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel referenza għall-Istrateġija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla li ġiet varata ftit tal-ġranet ilu wara li d-dokument għall-konsultazzjoni tnieda lura f’Diċembru tal-2022 u f’dan ir-rigward, il-Partit Nazzjonalista jinnota li d-dokument li tnieda fl-2022 huwa l-istess wieħed li ġie varat issa mingħajr ebda tibdil, tant li ssir referenza għall-“kriżi kurrenti tal-pandemija tal-COVID-19”. Dan jikkonferma li d-dokument ma ġiex aġġornat minn meta nkiteb lil hawn.
Għalhekk, ikun tajjeb li l-Gvern jispjega u jagħti raġuni għala kellu jkollna dan id-dewmien kollu biex spiċċa ntilef ħafna żmien mill-implimentazzjoni li tant hi meħtieġa. Il-Partit Nazzjonalista jqis li fejn tidħol l-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, Malta qed tiffaċċja kompetizzjoni kbira fuq livell internazzjonali u kwalunkwe dewmien fit-twettiq ta’ inizjattivi ġodda jista’ jkun ta’ dannu għall-istituzzjonijiet edukattivi liċenzjati mill-MFHEA, l-awtorità kompetenti lokalment.
Filwaqt li l-miri u l-azzjonijiet tal-Istrateġija huma fattwali u jindirizzaw ir-realtijiet ta’ madwarna, meta tkun analizzata sewwa, jidher b’mod evidenti li l-viżjoni tal-Ministeru għall-Awtorità MFHEA mhijiex espressa. Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-fatt li l-MFHEA applikat biex issir membru tal-ENQA u tal-EQAR liema sħubija għandha tagħti aktar kredibbiltà lill-istess Awtorità fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha. Minkejja dan, l-Istrateġija ma tagħmel ebda referenza għal dan il-fattur importanti u fundamentali u għalhekk il-Gvern irid jagħti raġuni għala dan mhux ikun elenkat fl-Istrateġija. Sħubija fl-ENQA jfisser li l-Awtorità tkun konformi mal-European Standard Guidelines tal-European Higher Education Area u dan ikun ifisser li l-istituzzjonijiet tagħna f’dan il-livell igawdu aktar kredibbiltà fuq livell internazzjonali.
L-Istrateġija tagħmel enfasi fuq il-bżonn ta’ aktar riżorsi għall-Awtorità biex tibda titwettaq l-istess Strateġija. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’inhu l-baġit preżenti mogħti mill-Ministeru tal-Finanzi lill-Awtorità biex dan jitwettaq f’kuntest li fir-rapport tal-Audit li sar mill-ENQA fuq l-MFHEA (ippublikat fuq il-websjat tal-ENQA) id-defiċit tal-MFHEA huwa mistenni li jiżdied sotanzjalment. L-istess Aġenzija Ewropea tikkonkludi li n-nuqqas ta’ fondi allokati huwa ta’ theddida għall-Awtorità biex twettaq ir-riformi u l-inizjattivi tagħha.
Għaldaqstant il-Ministeru għandu jsib u jagħti l-fondi neċessarji lill-MFHEA b’mod immedjat biex bħala l-ewwel miżura effettiva tkun it-tisħiħ tad-Dipartiment tar-Riċerka u tal-Policy biex jibda jwettaq il-miżuri tal-Istrateġija u ma jkomplix jintilef aktar żmien. Il-Partit Nazzjonalista jtenni li dan huwa settur dinamiku ferm aktar minn dak tal-edukazzjoni obbligatorja u għalhekk il-bidliet u r-riformi fil-qasam huma meħtieġa immedjatament jekk Malta trid tibqa’ kompetittiva. Huwa ċar li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi biss fuq ir-rati relattivament baxxi tal-akkreditar ta’ programmi u għoti tal-liċenzji biex tkun kompetittiva f’dal-qasam.
Finalment il-Partit Nazzjonalista juri l-apprezzament tiegħu lill-ħidma tal-MFHEA minkejja l-isfidi kollha li qed issib primarjament minħabba n-nuqqas ta’ finanzi u riżorsi allokati lilha meta l-Awtorità għandha ‘l fuq minn 170 Istituzzjoni Edukattiva li toffri edukazzjoni fil-livell avvanzat u ogħla.
//= $special ?>