Internazzjonali

Ingilterra: Pubblikati l-ewwel ritratti tal-qattiel suspettat ta’ Southport… bid-dimostrazzjonijiet ta’ rabja jinfirxu madwar il-pajjiż

Is-suspettat dwar il-qtil u feriment tal-bniet waqt l-attakk faħxi ta’ jiem ilu f’Southport issa hu identifikat bħala Axel Muganwa Rudakubana… ġuvni ta’ 17-il sena b’oriġini fir-Rwanda u li fl-aħħar sigħat kienu pubblikati diversi ritratti tiegħu wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet imposti mil-liġi.

Fl-attakk għall-għarrieda, waqt sessjoni taż-żfin, inqatlu tlett ibniet, b’diversi oħrajn jispiċċaw kritikament feruti – u bil-Pulizija ma tiżvela xejn dwar l-iskop li seta’ kellu s-suspettat.

Intant, Radukubana, fl-aħħar sigħat ukoll, tressaq quddiem qorti fil-belt ta’ Liverpool fejn kien ordnat li jibqa’ miżmum taħt arrest. Il-ġuvni qed ikun akkużat bi tliet każi ta’ omiċidju, għaxar attentati għal omiċidju u akkuża oħra li kien fil-pussess ta’ strument li jaqta’ – f’dan il-każ is-sikkina li ntużat għall-qtil u feriment tal-bniet f’Southport.

Sadanittant, l-inċident xokkanti f’Southport għadu qed inissel xokk u stmerrija madwar il-pajjiż u bir-riżultat li żdiedu l-protesti vjolenti u ta’ rabja f’diversi bliet tal-Ingilterra.

Il-vjolenza u ksur tal-buon ordni tant laħqu livell serju li l-Kapijiet ewlenin tal-Pulizija qed jieħdu sehem f’laqgħa mal-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer biex jiddiskutu u janalizzaw il-klima tat-tensjoni u l-inkwiet li rrankaw madwar il-pajjiż.

Matul il-lejl tal-Erbgħa, f’Londra,  spikkaw numru ta’ inċidenti vjolenti bħala reazzjoni għall-qtil tal-bniet f’Southport. Ir-rapporti mill-kapitali qalu li l-Pulizija Metropolitana għamlet aktar minn 110 arresti – u meta saru wkoll dimostrazzjonijiet bi ksur tal-buon ordni fl-ibliet ta’ Manchester, Hartlepool u Aldershot.

L-inkwiet f’Hartlepool kien karatterizzat bi vjolenza fit-tul u li fiha weġġgħu diversi uffiċjali tal-pulizja – bid-dimostranti anki jagħtu n-nar lil vettura tal-forzi għaż-żamma tal-liġi. F’din il-belt ukoll saru diversi arresti ta’ vandali u persuni responsabbli minn diversi azzjonjiet vjolenti.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Starmer qed jagħmilha ċara li kull min jisfrutta d-dritt għall-protesti paċifiċi biex iferrex aġenda ta’ vjolenza u mibegħda m’għandux jistenna tolleranza min-naħa tal-awtoritajiet. Hu wissa wkoll li l-kriminali li qed jippjanaw u jwettqu l-vjolenza f’postijiet pubbliċi għandhom jeħlu multi kbar, minbarra sentenzi ta’ ħabs għal din il-kampanja ta’ intimidazzjoni li qed tistabbilizza l-ħajja normali fid-diversi bliet tal-pajjiż.