Raġel intbagħat il-ħabs wara li ammetta li aggredixxa ħaddiem kollega billi faqa’ tazza f’wiċċu. Halil Tantas ta’ 32 sena mit-Turkija, ammetta l-akkużi ta’ ġrieħi gravi b’armi mhux xierqa u li ntimida lill-vittma, waqt li tressaq il-Qorti l-Ħamis.
Huwa mifhum li nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġt irġiel kien ilu jtektek għal xhur qabel ma sar vjolenti t-Tlieta filgħodu, waqt li huma kienu qed jagħmlu xogħlijiet fl-istabbiliment Alex Mercieca Bathroom Centre, fiż-Żejtun.
Waqt li għamlu sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuturi qalu lill-Maġistrat li Tantas kien ikkopera mal-pulizija u ta stqarrija fejn spjega x’wassal għall-attakk, għalkemm ir-raġuni nnifisha ma ġietx żvelata fil-Qorti llum.
Wara li Tantas ikkonferma l-ħtija tiegħu, ġie kkundannat għal sentejn u nofs ħabs. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin ta’ sentejn favur il-vittma, li tidħol fis-seħħ minn dakinhar li Tantas jinħeles mill-ħabs. L-Avukat Julia Micallef Stafrace assistiet lil Tantas bħala Avukat tal-għajnuna legali.
L-ispetturi tal-Pulizija James Mallia u Wayne Bonello mexxew il-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukati Valentina Cassar u Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>