Lokali Qorti

Uffiċjal tal-BOV tgħid li Kasco għad għandha ħames kontijiet bankarji miftuħin

Uffiċjal mill-Bank of Valletta qalet li l-kumpanija Kasco, ta’ Keith Schembri, għad għandha ħames kontijiet bankarji miftuħin magħha. Dan ħareġ hekk kif 22 xhud – rappreżentanti minn banek reġistrati f’Malta – xehdu fil-Qorti hekk kif il-Ħamis kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Brian Tonna, Karl Cini u għadd ta’ persuni oħra fuq il-frodi b’rabta mad-deal tal-isptarijiet.

Uffiċjal tal-HSBC minn naħa tiegħu qal fil-Qorti li l-kumpaniji Kasco Engineering u MTrace Limited għalqu l-kontijiet kollha li kellhom magħhom. Diversi banek oħra xehdu wkoll li dawn iż-żewġ kumpaniji qatt ma kellhom kontijiet magħhom.

Dan irriżulta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello meta bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-każ kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff Keith Schembri fost grupp ta’ persuni oħra akkużati b’għadd ta’ akkużi fosthom frodi fid-deal tal-isptarijiet.

Kienu 22 rappreżentant ta’ banek li taw ix-xhieda tagħhom fl-awla numru 22. Timothy Zammit li jirrappreżenta l-bank l-HSBC, ippreżenta lill-Qorti kaxxa mimlija dokumenti. Huwa qal li MTrace qatt ma kellha kontijiet bankarji mal-HSBC.

Madankollu, rigward Kasco Engineering, qal li din kellha ħames kontijiet differenti li nfetħu bejn l-2004 u l-2011 iżda llum il-ġurnata, dawn kollha ngħalqu. Hu ppreżenta bosta dokumenti lill-Qorti li jagħtu stampa ta’ meta nfetħu l-kontijiet u applikazzjonijiet differenti.

Sadanittant, Sarah Rausi li tirrappreżenta lill-BOV PLC, ippreżentat kontijiet ta’ MTrace minn Jannar 2016 sa Diċembru 2023. Qalet iżda li l-kumpanija Kasco Engineering Co Ltd għad għandha ħames kontijiet bankarji miftuħin mal-BOV.

Kważi x-xhieda kollha ma damux aktar minn tliet minuti fuq il-pedana tax-xhieda, bil-Qorti lkoll teżentahom mis-sigriet professjonali tagħhom. Wara li fil-25 ta’ Ġunju li għadda l-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jitpoġġew taħt att ta’ akkuża flimkien ma’ diversi persuni oħra, bdew jinstemgħu l-provi relatati mad-deal frawdolenti tal-isptarijiet. Fil-fatt dawn il-persuni se jgħaddu ġuri b’rabta mal-każ.

L-akkużati kollha, ħlief kumpanija waħda, u li huma parti mill-ewwel grupp, kienu tressqu b’rabta mal-każ tal-Vitals. Kienet biss fil-konfront tal-kumpanija Sciacca Grill, li mhux se jkompli dan il-każ. Dan għaliex ma nstabitx biżżejjed evidenza prima facie biex tgħaddi ġuri.

Il-Maġistrat Rachel Montebello wara analizzat l-evidenza u ddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex ikompli l-każ fil-konfront tagħhom. Fost l-akkużi li ħarġu fil-konfront ta’ Muscat hemm ħasil ta’ flus, frodi, qligħ b’metodi frawdolenti, kif ukoll li kien parti minn konfoffa biex jitwettaq reat. Ħarġulu wkoll akkużi li pparteċipa f’organizzazzjoni kriminali flimkien ma’ iktar minn 10 persuni.

Apparti minn hekk Muscat, flimkien mal-Eks Ministru Kornad Mizzi, iridu jiddefendu lilhom infushom minn akkużi li aċċettaw tixħim kif ukoll b’korruzzjoni minn uffiċjali pubbliċi. Magħhom hemm ukoll Keith Schembri, minbarra diversi persuni oħra, li se jiffaċċja akkużi li talab tixħim, u li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex jikseb vantaġġ mhux mistħoqq permezz ta’ theddid u abbuż ta’ poter.

Il-Qorti kienet ordnat ukoll li jiġu ppreżentati numru ta’ kontijiet bankarji u statements tal-bank relatati mal-kumpaniji Accutor u Spring X, kif ukoll kumpaniji relatati magħhom, għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar tal-2017 u l-31 ta’ Ottubru tal-2023.

Joseph Muscat flimkien mal-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, l-Eks Ministru Konrad Mizzi, u 11-il individwi ieħor flimkien ma’ disa’ kumpaniji, qed jiffaċċjaw akkużi li jkopru ħasil ta’ flus, korruzzjoni, tixħim, u diversi allegazzjonijiet serji oħra, li jimmarkaw mument negattiv fl-istorja politika ta’ Malta.

Il-każ jorbot mal-ftehim ta’ tliet sptarijiet li jinvolvi miljuni kbar ta’ ewro li minnu l-poplu Malti mhux biss ma ħa xejn iżda nsteraq b’aktar minn €400 miljun. L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat għandu ordni ta’ ffriżat fuq rasu li jlaħħaq it-€30 miljun filwaqt li eks ministri u oħrajn għandhom ukoll ordni ta’ ffriżar qawwi li jlaħħaq il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Fost l-akkużati jinkludu diversi Segretarji Permanenti, Avukati u persuni oħra qrib il-Partit Laburista.

L-allegazzjonijiet joħorġu minn ftehim kontroversjali orkestrat mill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, immirat li jipprivatizza tliet sptarijiet tal-istat. L-akkużati l-oħra huma Clarence John Conger-Thompson, Christopher Spiteri, l-awditur ta’ Steward, l-Avukat Jonathan Vella, David-Joseph Meli, Ivan Vassallo li jissupplixxi tagħmir mediku, Mario Victor Gatt, Brian Bondin, Adrian Hillman, Peter Sladden, Brian Tonna u Karl Cini.

L-avukati Ishmael Psaila, Luke Dalli, Vincent Galea, Charlon Gouder, Dominic Micallef u Etienne Borg Ferrante qed jirrappreżentaw lil Muscat. L-avukati Shazoo Ghaznavi u Alex Scerri Herrera qed jirrappreżentaw lil Conger-Thompson. L-avukat Veronique Dalli qed tidher għall-kumpanija Taomac Limited.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li se ssir seduta oħra nhar il-Ħamis, 8 ta’ Awwissu fil-11.30am bis-seduta ddum sagħtejn u oħra, l-Erbgħa, 21 ta’ Awwissu li tibda fl-10am u wkoll iddum sagħtejn. Il-Prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li f’dawk id-dati mhux se tkun tista’ tattendi.

Il-Maġistrat, iżda, saħqet li dan mhux aċċettabbli u titlob lill-Prosekuzzjoni tirranġa. “Qegħdin tliet prosekuturi!” tisħaq il-Maġistrat.

————————————————————————————————-

11:12am: Daqshekk xhieda. Il-Maġistrat Rachel Montebello tgħid li se ssir seduta oħra bħal lum ġimgħa, 8 ta’ Awwissu fil-11.30am bis-seduta ddum sagħtejn u oħra, l-Erbgħa, 21 ta’ Awwissu li tibda fl-10am u wkoll iddum sagħtejn żgur. Kienet inqalgħet problema wara li l-Prosekuzzjoni tinformaha li f’dawk id-dati mhux se tkun tista’. Il-Maġistrat tisħaq, iżda, li dan mhux aċċettabbli u titlob lill-Prosekuzzjoni tirranġa. “Qegħdin tliet prosekuturi!” tisħaq il-Maġistrat.

11:08: Timothy Zammit li jirrappreżenta l-bank l-HSBC jidħol fl-awla b’kaxxa tal-kartun mimlija dokumenti. Jgħid li MTrace qatt ma kellha kontijiet bankarji mal-HSBC. Rigward Kasco Engineering, jgħid li din kellha ħames kontijiet differenti li nfetħu bejn l-2004 u l-2011 iżda llum il-ġurnata, dawn kollha ngħalqu. Hu jippreżenta bosta dokumenti lill-Qorti li jagħtu stampa ta’ meta nfetħu l-kontijiet u applikazzjonijiet differenti.

11:00am: Danila Corizola f’isem l-bank Shift4, tgħid ukoll li ma nstab xejn dwar Kasco Engineering jew MTrace. Alvin Tabone li qed jirrappreżenta l-Lombard Bank bħala uffiċjal kontra l-ħasil tal-flus. Hu jikkonferma wkoll li m’hemmx rabtiet ma’ Kasco Engineering jew MTrace.

Serkan Kadir Gurbuzoglu, f’isem Turkiye Garanti Bankasi A.S, fil-fergħa lokali jgħid li l-kumpanija m’għandhiex kontijiet bl-ismijiet Kasco Engineering jew MTrace. L-istess xhieda tagħti Rebecca Micallef li tirrappreżenta l-APS Bank u tikkonferma li Kasco Engineering u MTrace qatt ma kellhom relazzjoni bankarja mal-APS. Sara Rausi, f’isem il-Bank of Valletta, tgħid li MTRace kellha kont mal-BOV bejn l-2016 u l-2023 filwaqt li Kasco Engineering kellha ħames kontijiet differenti. Hi telenka meta nfetħu dawn il-kontijiet, jekk ingħalqux u meta ngħalqu.

10:55am: Rappreżentant tal-fergħa Maltija ta’ AK Bank jgħid li Kasco Engineering u MTrace ukoll m’hemmx kontijiet magħhom. Martia Mamo li qed tirrappreżenta l-bank Izola u li bħax-xhieda l-oħra kollha tinħeles mis-segretezza professjonali tagħha, tikkonferma bħall-oħrajn li Kasco Engineering u MTrace m’għandhomx kontijiet ma’ dawn il-banek.

Holly Wilson, li tirrappreżenta l-FIM Bank bħala uffiċjal tal-konformità, l-istess. L-istess jagħmlu Danila Corizola, f’isem il-bank Shift4; u Alvin Tabone li qed jirrappreżenta l-Lombard Bank bħala uffiċjal kontra l-ħasil tal-flus.

10:50am: Ikomplu jixhdu diversi uffiċċjali ta’ diversi banek fejn jagħmlu biss dikjarazzjoni u jinżlu minn fuq il-pedana tax-xhieda. Martin Scerri, f’isem il-bank MeDirect, ukoll jikkonferma li Kasco Engineering u MTrace m’għandhomx kontijiet bankarji mal-MeDirect.

Warajh titla’ tixhed, Marta Alvara Martinez, f’isem il-bank Multitude u hija uffiċjal ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus. Tikkonferma li Kasco Engineering u MTrace m’għandhomx kontijiet mal-bank. Yanika Fino li qed tirrappreżenta bank lokali, ukoll tgħid li m’hemmx kontijiet bankarji ma’ Kasco Engineering u MTrace.

Joshua Attard li qed jirrappreżenta l-bank BNF plc., jikkonferma wkoll li Kasco Engineering u MTrace m’għandhomx relazzjoni bankarja ma’ dan il-bank. Marylaine Polidano li tirrappreżenta l-bank FCM u tikkonferma li “kollox negattiv” dwar Kasco Engineering u MTrace. Charmaine Calleja f’isem Lidion Bank. tikkonferma wkoll li Kasco Engineering u MTrace m’għandhomx kontijiet bankarji magħhom.

10:47: Karl Vella, rappreżentant tal-bank IIG, huwa xhud. Hu wkoll jinħeles mis-segretezza professjonali tiegħu u jikkonferma wkoll li m’hemmx kontijiet bankarji ta’ Kasco Engineering jew MTrace. Wara titla’ fuq il-pedana tax-xhieda Sara Borg, f’isem Sparkasse Bank. Tgħid ukoll li Kasco Engineering u MTrace m’għandhomx kontijiet bankarji ma’ dan il-bank u tippreżenta xi dokumenti fil-Qorti.

10:43am: Ali Efe Ozkan, rappreżentant tal-Credit Eurobank li huwa uffiċjal tal-konformità. Tenna li m’hemmx rabta bejn dan il-bank u Kasco Engineering u MTrace. Wara xehed Kyle Briffa, rappreżentant tal-ECCM Bank plc u jikkonferma wkoll li m’hemmx rabta bejn Kasco Engineering u MTrace u lanqas għandhom kontijiet magħhom.

10:40am: L-Avukat Claudette Fenech hi l-ewwel xhud, rappreżentanta tar-Reġistru Maltija tan-Negozji. Dr Fenech tippreżenta dokumenti dwar il-kumpanija Kasco Engineering Company Limited li jibdew mill-2013 sal-2023. Wara jitla’ jixhed Andrea Emanuel Zerafa, rappreżentant tal-Mercantile Bank. Wara li nħeles mis-segretezza professjonali tiegħu tenna li li l-bank m’għandux kontijiet jew relazzjoni mal-kumpanija Kasco Engineering jew MTrace Limited.

10:35am: Il-Maġistrat Rachel Montebello tiġi infurmata mill-Prosekuzzjoni li llum hemm 22 xhud li huma rappreżentanti differenti ta’ diversi banek. Issir talba mill-prosekuzzjoni biex ix-xhieda jsiru bl-eżenzjoni tad-Difiża fid-dawl li Conger-Thompson huwa assenti. Il-Qorti tikkondividi u tordna li l-akkużat jippreżenta ċertifikat mediku fi żmien ġimgħa.

10:30am: Wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-akkużati biex jiġu riveduti l-ordnijiet ta’ iffriżar, illum se tibda kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi flimkien ma’ oħrajn. Il-Qorti ġiet infurmata li l-akkużat Clarence Conger-Thompson ma jiflaħx u huwa eżentat milli jattendi għas-seduta tal-lum. 

L-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shaun Zammit qed jirrappreżentaw kemm lil Mizzi u lil Schembri.
L-avukat Jason Grima qed jirrappreżenta lil Spiteri u lil Gatt. L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jirrappreżenta lil Tonna, Cini u lil Nexia BT. L-avukat Stefano Filletti qed jirrappreżenta lil Adrian Hillman.
L-avukati Giannella de Marco u Charles Mercieca qed jirrappreżentaw kemm lil Meli kif ukoll lil Gatt.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Francesco Refalo, Rebekha Spiteri, Shelby Aquilina u Anthony Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; u s-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.