Il-qtil tal-Kap tal-Ħamas, Ismail Haniyeh, li din il-ġimgħa spiċċa l-vittma ta’ missila waqt li kien residenti f’bini fil-kapitali Iranjana, qed jixpruna diġà l-konsegwenzi li mistennija jkunu devastanti għar-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani.
U waqt li ħadd, għalissa, ma assuma responsabbiltà għall-attakk li sewa l-ħajja ta’ Haniyeh, l-uffiċjali Iranjani kienu kwotati fis-sens li l-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran, ħareġ direttiva għal attakk dirett fuq l-artijiet ta’ Iżrael. Dan fost l-akkużi minn Tehran li l-Iżraeljani pjanaw u wettqu ‘dolożament’ att ta’ aggressjoni fuq it-territorju sovran tal-Iran.
Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ nies attendew għall-purċissjoni funebri ta’ Haniyeh – il-mexxej politiku tal-Ħamas –- bl-Ayatollah Khamenei jmexxi s-sessjonijiet tat-talb fil-kapitali. Kien ikkonfermat ukoll li Haniyeh kien se jindifen fil-Qatar fejn kien għamel xi żmien residenti.
Filwaqt li Iżrael ma kummentax direttament dwar il-qtil ta’ Haniyeh, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li pajjiżu, fl-aħħar jiem, irnexxielu jwettaq azzjonijiet effettivi kontra l-għedewwa tiegħu. L-azzjonijiet jinkludu l-qtil ta’ Kap ewlieni tal-grupp Ħeżbollah tal-milizji Xiti fil-Libanu – u li kellu jseħħ sigħat biss qabel l-eliminazzjoni ta’ Ismail Haniyeh.
Daqqa ta’ ħarta oħra għall-Ħamas
Il-mllitar Iżraeljan issa kkonferma li Mohammed Deif, il-Kap militari tal-grupp Ħamas, kien spiċċa maqtul waqt rejd tal-ajru li sar ix-xahar li għadda fuq lokalità speċifika fil-Medda ta’ Gaza.
Ingħad li Deif spiċċa mira għall-militar Iżraeljan waqt li kien mistoħbi f’kumpless fiz-zona ta’ Khan Younis – u li l-attakk li swielu ħajtu kien seħħ fit-13 ta’ Lulju.
Min-naħa tagħhom, l-ogħla uffiċjali tal-Ħamas ma kkonfermawx huma wkoll il-qtil ta’ Mohammed Deif,
Madankollu, l-Iżraeljani qed jgħidu li rnexxielhom jeħilsu minn theddida kbira għas-sigurtà ta’ pajjiżhom. Dan meta huma qed jakkużaw lil Deif bħala wieħed mill-protagonisti fl-ippjanar tal-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq l-artijiet fin-Nofsinar ta’ Iżrael. L-attakki li swew il-ħajja ta’ mijiet, inklużi familji, minbarra l-ħtif ta’ għexieren ta’ ostaġġi li wħud għadhom miżmuma mit-terroristi f’Gaza.
Iżrael – dritt wara l-attakk ta’ Ottubru – kien ħalef biex jelimina lill-organizzazzjoni tal-Ħamas; bis-sorsi indipendenti, issa, qed jaqblu li l-qtil ta’ Ismail Haniyeh, flimkien mal-konferma tal-eliminazzjoni ta’ Deif, ħallew lill-grupp terroristiku Palestinjan ‘fi stat ta’ xokk qawwi’.
//= $special ?>